9 ta' Jannar, 2013
18:09 CET |
Il-Kap kummerċjali tal-Formula 1 Bernie Ecclestone qal li Neurburgring mistenni li jkun qed jilqa’ fih il-GP tal-Ġermanja din is-sena u l-ftehim jista’ jintlaħaq din il-ġimgħa wara aktar negozjati.
Ecclestone li għandu 82 sena qal li l-kalendarju li kien approvat mill-FIA f’Novembru se jkollu disponibbli 19-il tiġrija minflok 20.
Dan il-kalendarju għandu t-tiġrija tal-Ġermanja skedata għas-7 ta’ Lulju f’ċirkwit li għad irid jiġi konfermat u tiġrija oħra f’post mhux magħruf fl-Ewropa għall-21 ta’ Lulju. Din kienet mistennija tkun għall-GP tat-Turkija qabel twaqqfu n-negozjati minħabba problemi ta’ flus.
Fil-ġimgħat li għaddew kien hemm spekulazzjonijiet li l-Grand Prix jista’ jsir fi Franza, fit-Turkija u fl-Awstrija. Kien hemm anke offerta min-naħa tar-Red Bull biex jorganizzaw Grand Prix fl-Awstrija fiċ-ċirkwit tagħhom. “Naħseb li se nagħmlu Grand Prix f’Istanbul,” qal Ecclestone. Minkejja li l-Grand Prix mistenni jsir fit-Turkija, il-Ministru tal-Isport tal-pajjiż qal li mhux se jagħti flus lill-organizzaturi.
Fl-aħħar snin, Neurburgring u Hockenheim kienu jalternaw bejniethom bħala l-postijiet fejn isir il-GP tal-Ġermanja u din is-sena mistenni jkun dan tal-ewwel li jorganizza t-tiġrija.
Madankollu l-problemi finanzjarji taċ-ċirkwit wasslu għal ċerti inċertezzi. “Suppost għandu jkun Nuerburgring u se nagħmlu minn kollox biex dan iseħħ. Se nkun qed nitkellem magħhom,” qal il-biljunarju li kabbar il-kalendarju tal-F1 għal destinazzjonijiet ferm bogħod mill-qalba tal-isport fl-Ewropa. Nuerburgring mistenni li jinbiegħ b’irkant aktar tard din is-sena.
|