9 ta' Jannar, 2013
19:34 CET |
Id-Direttur Sportiv ta’ PSG, Leonardo qal li l-klabb Franċiż hu lest biex jitfa’ offerta għall-winger ta’ Real Madrid, Cristiano Ronaldo. L-ispekulazzjonijiet li Ronaldo jista’ jitlaq minn Madrid bdew meta dan f’Novembru, wara logħba kontra Malaga kien qal li hu mdejjaq u l-klabb kien jaf għaliex hu mdejjaq.
Il-kuntratt tal-eks player ta’ Man Utd jintemm sentejn oħra. Fl-2009 il-klabb Spanjol kien ħallas is-somma rekord ta’ 80 miljun lira sterlina.
“PSG sar klabb li jista’ jagħmel kollox u xejn m’hu impossibbli għalih. Nafu li Ronaldo għadu marbut b’kuntratt ma’ Real Madrid. Huma ftit klabbs li jistgħu jakkwistaw player bħal Ronaldo u PSG hu wieħed minnhom,” qal Leonardo.
PSG, fil-ġimgħat li ġejjin huma mistennija jiffirmaw kuntratt mal-Awtorità tat-Turiżmu fil-Qatar, kuntratt li bih se jirċievu s-somma ta’ 200 miljun lira sterlina fis-sena sal-2016 u bla dubju dawn l-ammonti kbar ta’ flus se jgħinu lid-diriġenza biex jittantaw xortihom u jakkwistaw lil wieħed mill-aqwa players fid-dinja.
Leonardo tkellem ukoll dwar id-difensuri Ashley Cole ta’ Chelsea u Patrice Evra ta’ Man Utd u qal li jemmen li l-players li għandhom PSG f’dak id-dipartiment huma biżżejjed u żgur li għalissa l-klabb mhux se jħares lejn dawn it-tnejn. Fis-sajf li għadda PSG akkwistaw lil Zlatan Ibrahimovic u lil Thiago Silva mingħand Milan, lil Verratti mingħand Pescara u lil Lavezzi mingħand Napoli. Fil-jiem li għaddew dawn akkwistaw ukoll lil Brażiljan Lucas.
INCE – Skont rapporti fil-ġurnali Ingliżi Liverpool huma ferm viċin li jakkwistaw lil Tom Ince ta’ Blackpool. Swansea wkoll huma interessati imma mhux lesti jħallsu s-somma ta’ sitt miljun lira sterlina.
QUARESMA – Al Ahli ħabbru li akkwistaw lill-winger Portugiż Ricardo Quaresma li kien qed jilgħab ma’ Besiktas. Quaresma, eks player ta’ Inter u Chelsea ffirma kuntratt ta’ sena u nofs mat-tim minn Dubaj. Quaresma, li għandu 29 sena se jieħu post il-midfielder mill-Kamerun Achille Emana.
F’Diċembru Besiktas temmew il-kuntratt ta’ tliet snin ta’ Quaresma, sitt xhur qabel ma dan kellu jiskadi. Quaresma se jilbes il-flokk ta’ Al Ahli għall-ewwel darba fil-21 ta’ Jannar meta dawn jilagħbu kontra Al Ain li huma fil-fatt iċ-champions tal-pajjiż.
BALOTELLI – L-aġent ta’ Mario Balotelli, Mino Raiola, qal li l-karattru tal-klijent tiegħu m’huwiex bħal ma iddeskrivieh il-President ta’ Milan Silvio Berlusconi. Dan tal-aħħar, matul il-ġimgħa qal li jiġri x’jiġri mhux se jakkwista lil Balotelli minħabba li, skont hu, dan iħassar lil dawk ta’ madwaru bħal tuffieħa mħassra. Matul dawn l-aħħar snin kien hemm spekulazzjonijiet kontinwi li Balotelli jista’ jingħaqad ma’ Milan imma jidher li la darba hemm Berlusconi fit-tmun dan mhux se jseħħ.
“Kemm jien kif ukoll Balotelli ddispjaċuti b’dak li qal Berlusconi. Berlusconi ma jafx lil Balotelli u kull min jaf lill-klijent tiegħi jaf x’tip ta’ persuna hu. Jien lest inlaqqa’ lil dawn it-tnejn. Id-Direttur Sportiv ta’ Milan, Galliani jaf x’tip hu Balotelli u mhux l-ewwel darba li qal affarijiet sbieħ dwaru,” qal Raiola.
Dan tal-aħħar tkellem ukoll dwar l-attakkant ta’ Milan, Robinho u spjega li dan kien ferm viċin li jitlaq lill-klabb imma lejn l-aħħar tad-diskussjonijiet ma’ Santos kien hemm xi nuqqas ta’ qbil u t-trasferiment ma seħħx u issa l-futur tal-player hu f’idejn ir-Rossoneri.
SNEIJDER – Il-President tal-klabb Tork ta’ Galatasaray ikkonferma li l-klabb se jakkwista lil Wesley Sneijder ta’ Inter. Jidher li -żewġ klabbs qablu fuq il-prezz ta’ 11-il miljun ewro filwaqt li Galatasaray qed joffru salarju ta’ 6.5 miljun ewro fis-sena lill-playmaker Olandiż.
Issa hu f’idejn l-eks player ta’ Real Madrid biex jaċċetta dan kollu u mill-ġimgħat li ġejjin jibda jilgħab ma’ dan il-klabb. Matul dawn l-aħħar xhur Sneijder ma kienx qed ikun inkluż mal-ewwel 11 ta’ Inter.
Jidher li minbarra Sneijder, Inter qed jaħsbu biex ineħħu anke lil playmaker ieħor, Alvarez. Dan tal-aħħar jidher li se jingħaqad ma’ River Plate fl-Arġentina.
WISDOM – Id-difensur ta’ Liverpool, Andre Wisdom ġedded il-kuntratt tiegħu mar-Reds. Wisdom, li għandu 19-il sena diġà skurja fl-Europa League f’Settembru li għadda. Liverpool ma żvelawx b’kemm-il sena ġedded il-kuntratt.
|