3 ta' Jannar, 2013
16:49 CET |
Diċembru li għadda kien wieħed xott b'ħafna riħ tant li l-veloċità tar-riħ matul Diċembru kienet aktar min-normal.
Rapport dwar it-temp f'Diċembru li għadda maħruġ mill-Uffiċċju Metereoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta juri li t-temperatura medja kienet ukoll 0.3 gradi aktar min-normal, għal 14.2 gradi.
L-ogħla temperatura f'Diċembru kienet reġistrata fil-15 tax-xahar, b'temperatura ta' 20 grad celcius, waqt li l-inqas kienet ta' 6.4 gradi nhar it-13 tax-xahar.
It-temperatura medja tal-baħar kienet ta' 18.4 grad celcius, li hu 1.3 gradi aktar mis-soltu f'Diċembru. L-umdità kienet ta' 71%, li hu anqas mill-medja mifruxa fuq 30 sena ta' 80%.
F'Diċembru li għadda niżel 45.8 millimetru ta' xita, li hu ħafna anqas mir-rata normali ta' 112.2 millimetri ta' xita. Matul ix-xahar kien hemm ragħad fi tlett ijiem, anqas mir-rata normali ta' ħamest ijiem, filwaqt li f'ġurnata waħda biss f'Diċembru niżel is-silġ.
Il-ġranet f'Diċembru li għadda kellhom medja ta' 6.2 siegħat ta' dawl tax-xemx, siegħa u tnax-il minuta aktar mill-medja f'Diċembru.
|