Mario FRENDO
20 ta' Diċembru, 2012
13:54 CET |
Għal Mary Doris Mallia u l-Bank tad-Demm, nhar il-Ħamis kienet ġurnata speċjali hekk kif id-donazzjoni tagħha kienet il-mitt waħda minn meta bdiet tagħti d-demm fl-età ta' 26 sena.
Bid-donazzjonijiet tagħha Mary Doris salvat diversi ħajjiet matul dawn l-aħħar 40 sena u żgur li l-mitt donazzjoni tagħha kienet okkażjoni speċjali.
Segwejna lil Mary Dorsi hekk kif kienet qed tagħmel dak li ilha minn żgħożgħitha tagħmel. Id-Direttur tal-Bank tad-Demm, Dr. Alex Aquilina preżenta lil Mary Doris b'ċertifikat u rringrazzjaha tad-dedikazzjoni tagħha li tagħti d-demm. Min-naħa tagħha, Mary Dorsi ħeġġet lin-nies jagħmlu bħalha u jagħtu d-demm.
Iżda b'kumbinazzjoni, fl-istess ħin li fil-Bank tad-Demm kien hemm Mary Dorsi qed tagħti donazzjoni għal mitt darba, kien hemm propju grupp ta' studenti mill-MCAST li qed jistennew sabiex jagħtu d-demm għall-ewwel darba.
L-istudenti, li kollha jsegwu korsijiet marbuta mal-isports kienu akkumpanjati minn xi għalliema tagħhom. Renzo Kercumbo ta' 31 sena huwa għalliem minnhom, li kien qed jagħti d-demm għall-ewwel darba wkoll.
Dan il-ġurnal ħa l-kummenti ta' Paula Ellul ta' 18-il sena li kienet fost l-istudenti li taw id-demm għall-ewwel darba. “Qed nagħti rigal dan il-Milied” spjegat din l-esperjenza, l-ewwel tax-xorta tagħha f'ħajjet din it-tfajla.
Huwa possibbli li persuna tibqa' tagħti d-demm bl-istess mod kif Mary Doris irnexxielha tagħmel? Id-Direttur tal-Bank, Alex Aquilina qalilna li sakemm persuna żżomm f'saħħitha, ikun possibbli li tibqa' tagħti d-demm.
Fil-każ tan-nisa, biex mara tagħti mitt donazzjoni jrid jgħaddi ħafna żmien, għaliex in-nisa għandhom pontenzjal li jagħtu d-demm b'mod anqas regolari mill-irġiel. Kien f'dan il-kuntest li d-Direttur faħħar lil Mary Doris għal mitt donazzjoni tagħha, kisba li tfisser madwar erbgħin sena sħaħ tmur il-Bank tad-Demm.
Fl-2010 inġabru madwar 14,000 borża demm. Din is-sena inġabru madwar 17,500 borża, żieda ta' 3,500 borża. Din is-sena hu kkalkulat li gawdew mid-donazzjonijiet madwar 4,000 pazjent.
|