Ray ABDILLA
9 ta' Jannar, 2013
13:05 CET |
Vincent Spalding ta' 39 sena minn Bormla u Jonathan Gauci ta' 30 sena mill-Birgu nstabu ħatjin li fit-23 ta' Jannar tal-2011, tard filgħaxija meta kienu fil-Fortizza Rikasli, li tinsab fil-limiti tal-Kalkara, serqu disa' ċilindri tal-gass propane, liema valur jammonta għal madwar €200 għad-dannu ta' ċertu Kenneth Cassar.
Spalding u Gauci ammettew mal-Pulizija li kienu nvoluti fis-serq. Gauci waħdu nstab ħati li fl-istess ġurnata u anke tard filgħaxija, fl-istess inħawi seraq għadd ta' għasafar li jammontaw għal €1,300 għad-dannu ta' ċertu Lawrence Borg.
Il-fatti ħarġu minn dak li xehdu Lawrence Borg u Kenneth Cassar fejn għall-ħabta tat-8.30 p.m. Borg kien mar il-forti u sab li kien hemm sgass. Hu reġa' sakkar u telaq, iżda dak il-ħin kien innota li għadd kbir mill-għasafar li kellu fil-kamra tiegħu kienu nsterqu.
Madwar nofs siegħa wara reġa' mar u sab li reġa' kien hemm sgass u li kienu nsterqu żewġ għasafar oħrajn. L-għada filgħodu huwa għamel rapport lill-Pulizija u fl-investigazzjoni rriżulta li kien hemm disa' ċilindri ta' Kenneth Cassar nieqsa. Fir-recordiungs tas-CCTV cameras li kien hemm fil-post ġew innotati żewġ persuni.
Wieħed minnhom ġie identifikat mill-Pulizija bħala Jonathan Gauci, u li ħwejjeġ identiċi tiegħu waqt li kienet saret is-serqa nstabu fid-dar tiegħu. Waqt l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, dawn kienu nfurmati li l-persuna l-oħra nvoluta kienet Vincent Spading.
Gauci tpoġġa taħt ordni ta' probation għal żmien sena u taħt ordni ta' servizz fil-kommunita' għal 40 siegħa. Spalding minn naħa tiegħu ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Frank Sammut. Il-każ instema' quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke.
|