19 ta' Diċembru, 2012
12:59 CET |
Il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk. Id-Direttiva ssaħħaħ ir-regoli dwar il-mod kif jiġu manifatturati, ppreżentati u mibjugħa l-prodotti tat-tabakk. Tagħmel illegali l-użu tas-sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakk smokeless bit-togħma, filwaqt li tagħmel użu minn twissijiet dwar is-saħħa bl-istampi fuq il-pakketti tas-sigaretti u t-tabakk.
Tinkludi wkoll regolamenti dwar prodotti ġodda, bħas-sigaretti elettroniċi. Is-snus se jibqa illegali.
F'konferenza tal-aħbarijiet fi Brussell il-Kummissarju Malti Tonio Borg qal li l-Kummissjoni Ewropea żammet mal-wegħda li kienet għamlet - dik li tkun ressqet id-Direttiva dwar it-Tabakk sal-aħħar tal-2012.
Tonio Borg fakkar kif iktar minn nofs il-persuni li jużaw it-tabakk imutu bih, u kif 70% tal-persuni li jpejpu jaqbdu dan il-vizzju qabel jgħalqu t-18-il sena. Hu sostna li l-għan ewlieni ta' din id-direttiva hu li tagħmel il-prodotti tat-tabakk inqas attraenti, biex għalhekk tiskoraġixxi lbidu tat-tipjip fost iż-żgħażagħ.
Il-Kummissarju Borg żied li l-prodotti tat-tabakk għandhom jidhru u jintegħmu għal dak li huma, u mhux se jkun permess li l-ippakkeġġjar sabiħ u togħmiet differenti jintużaw bhala strateġija għar-reklamar.
Id-direttiva ġdida, fost l-oħrajn tgħid li l-pakketti tas-sigaretti u t-tabakk issa jrid ikollhom iktar minn 75% tal-faċċata mgħottija b'ritratt u messagg dwar l-effetti fuq is-saħħa. Waqt li fil-genb tal-pakkett, minflok l-informazzjoni dwar il-kontenut tas-sigaretti issa se jkun hemm tabella li tgħid li s-sigaretti fihom iktar minn 70 sustanza li jikkawzaw il-kanċer.
Dwar is-sigaretti elettroniċi d-direttiva tgħid li dawk li għandhom ammonti zgħar ta' tabakk jistgħu jinbiegħu fis-suq, izda wkoll irid ikollhom twissijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa. Il-bqija jistgħu jintużaw biss bi preskrizzjoni.
Wara li ġiet adottata mill-Kummissjoni Ewropea l-pass li jmiss issa hu li d-Direttiva tigi diskussa fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-Ministri. Id-Direttiva mistennija li tigi adottata mill-UE fl-2014 u tidhol fis-sehh bejn l-2015 u l-2016.
|