10 ta' Jannar, 2013
14:02 CET |
Waqt konferenza tal-aħbarijiet b'reazzjoni għall-proposti tal-Malta Labour Party dwar l-enerġija, il-Ministru Tonio Fenech qal li l-proposta tal-MLP hi proposta mhux biss mhux fattibbli imma hi proposta li jekk tiġi effettwata twassal biex jogħlew il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Il-ħames punti prinċipali msemmijin minn Tonio Fenech huma li:
1. il-preżentazzjoni ta' DNV Kema lill-Malta Labour Party tikkonferma li politika tal-Partit Nazzjonalista dwar pipeline tal-gass tiswa inqas mill-proposta li biha ħareġ il-Lejber;
2. il-preżentazzjoni tal-proposta tal-MLP tiżvija bil-bosta l-prezz tal-proġett imsemmi. Filfatt, il-proposta tal-Lejber tiġi tiswa aktar minn €200 miljun miċ-ċifra totali mogħtija mil-Lejber;
3. ftehim dwar ix-xiri ta' provvista ta' enerġija mhux normali li jagħti garanzija t'għaxar snin. Għaldaqstant, ftehim li joffri tali garanzija jiġi jiswa ħafna iktar minn dak imsemmija mill-Malta Labour Party. Il-Ministru Tonio Fenech qal li l-proposta li s-servizz jingħata mill-privat ifisser ukoll li l-privat iġorr miegħu interessi. Jekk il-privat joffri prezz fiss għal għaxar snin, il-privat allura jrid joffri prezzijiet għoljien biex jilqa' għat-tlugħ u l-inżul fil-prezz f'dawk l-għaxar snin;
4. it-timeframes mogħtija mill-MLP huma impossibbli. Il-Lejber qed jipproponi li jqaċċat il-kontijiet snin qabel ma jqarreb il-proġett lejn tmiemu. Anke kieku wieħed kellu jibda jibni mill-għada tal-elezzjoni ġenerali, m'hemmx biżżejjed żmien biex proposta bħal tal-Labour Party titlesta f'sentejn.
5. il-power service agreement, li jagħti garanzija tal-prezzijiet għal għaxar snin, hu wieħed li jġib riskji serji miegħu. Il-proposti tal-Malta Labour Party, kif ippreżentati, iwasslu jew għal kontijiet għola jew għal aktar taxxi.
L-istudju tal-MLP ma jinkludix l-ispiża ta' vapuri essezjali biex iġorru l-gass lejn Malta. Biex wieħed iserraħ moħħu li l-pajjiż qatt m'hu se jispiċċa mingħajr provvista tal-elettriku għal numru ta' ġranet, ikun hemm il-bżonn ta' tliet vapuri. Kull wieħed minn dawn il-vapuri jiswa' €50 miljun ewro.
Punt ieħor hu li l-proposta tal-Lejber se tkun qed tiġġenera ħafna iktar enerġija minn dak li l-pajjiż jikkonsma - id-doppju. Din l-enerġija żejda tiswa lill-pajjiż €600 miljun.
''Il-proposta tal-Lejber ma taħdimx.''
|