8 ta' Jannar, 2013
19:45 CET |
Ir-referee Howard Webb ġie magħżul biex jikkontrolla l-partita ta' nhar il-Ħadd bejn ir-rivali Liverpool u Man Utd, partita li se tintlagħab f'Anfield. Bla dubju din id-deċiżjoni min-naħa tal-FA se ġġib magħha kontroversja kbira minħabba li fl-2011 Webb kien ikkritikat ferm għall-mod li bih mexxa l-logħba valida mill-FA Cup bejn dawn iż-żewġ timijiet.
Webb, li mexxa l-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2010 kien ikkritikat bl-aħrax anke mill-plejers ta' Liverpool, fosthom Ryan Babel. Dan tal-aħħar poġġa fuq il-profil elettroniku tiegħu ritratt ta' Webb bil-flokk ta' Man Utd. Webb, f'dik il-logħba ta' Jannar tal-2011 kien ta penalty favur Man Utd u anke keċċa lill-captain tar-Reds, Steven Gerrard kmieni fil-partita. Babel, wara li għamel dan, sar l-ewwel player immultat mill-FA minħabba każ relatat ma' profili personali ta' players fuq l-internet.
|