Simon FARRUGIA
12 ta' Jannar, 2013
18:47 CET |
1 VALLETTA (1) – Y. Cini, R. Briffa, L. Dimech, J. Caruana, J. Vandelannoite, W. Barbosa, D. Rocha Dos Santos, J. Gabriel Da Silva, D. Falzon, I. Zammit, I. Azzopardi
Sost – M. Mifsud flok I. Zammit 53min, K. Magro flok D. Falzon 86min, J. Ogunuppe flok J. Gabriel Da Silva 90min
0 B’KARA (0) – R. Gauci, R. Scicluna, A. Mendoza, R. Muscat, J. Zerafa, E. Herrera, P. Fenech, Y. Hernandez, S. Haruna Shola, Z. Muscat, J. Benitez
Sost – J.P. Mifsud Triganza flok Y. Hernandez 75min
Imwissija – Rocha Dos Santos, Barbosa (V), Z. Muscat, Scicluna, Fenech (B)
Tkeċċa – Rocha Dos Santos (V)
Skurjaw – Zammit 44min (V)
Referee – Alan Mario Sant
Player tal-Logħba – Joao Gabriel Da Silva (Valletta)
Valletta fetħu tliet punti vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika wara li fil-konfront dirett kontra B’Kara ħarġu rebbieħa b’goal uniku, skurjat lejn tmiem l-ewwel taqsima. Il-Beltin kellhom jilagħbu għal ħinijiet twal b’għaxar players wara li tkeċċa Deni Rocha Dos Santos, wara li irritalja fuq Zach Muscat.
Kienet logħba bbilanċjata fejn iż-żewġ naħat kellhom il-mumenti tagħhom minkejja li l-azzjonijiet fuq il-lasti rispettivi kienu xi ftit skarsi. L-attendenza għal din il-logħba kienet aħjar minn dik tal-ġimgħa li għaddiet fejn spikkat ir-rivalità sportiva li teżisti bejn iż-żewġ klabbs.
Iż-żewġ timijiet kienu ġejjin minn rebħiet konvinċenti fejn Valletta għelbu lir-rivali Hibernians bl-iskor ta’ 4-1, filwaqt li l-Istripes kisbu rebħa kbira wara li għelbu lil Tarxien bl-iskor ta’ 5-0.
Valletta kellhom lil Ryan Fenech u lil Demba Tourè sospiżi għal din il-logħba importanti, u posthom ħaduh Joao Gabriel u Dyson Falzon. Il-goalkeeper Manuel Bartolo kien qed jiskonta t-tieni logħba sospensjoni, bi Steve Borg barra, imweġġa’. B’Kara kellhom lil Ryan Camenzuli sospiż, b’Vukanac, Pereira u Sciberras neqsin. Mifsud Triganza, li fl-aħħar logħba kien strumentali fir-rebħa li l-Istripes kisbu, beda fuq il-bank.
Fl-ewwel round, il-konfront bejn dawn ir-rivali spiċċa fi draw ta’ 1-1. Fil-11 il-minuta, Valletta kienu sfortunati meta laqtu l-mimduda wara li free-kick ta’ Barbosa stampa mal-mimduda b’Gauci megħlub. B’Kara rrispondew fil-25 minuta hekk kif Herrera sab lil Jhonnattan, iżda l-konklużjoni mill-viċin tiegħu ġiet salvata minn Cini.
Valletta ħadu daqqa ta’ ħarta ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima wara li tkeċċa Deni Rocha Dos Santos għal ritaljazzjoni fuq Zach Muscat. Iżda minkejja li b’raġel anqas, kienu l-Beltin li fetħu l-iskor meta fl-44 minuta kien hemm cross ta’ Joao Gabriel Da Silva, bil-ballun jasal eżatt fuq ras IAN ZAMMIT, li sab ir-rokna tax-xibka. Mal-bidu tat-tieni taqsima, Ryan Scicluna ittanta xortih b’xutt minn tarf il-kaxxa, li niżel fuq ix-xibka. U fl-54 minuta ħarba ta’ Gabriel, li qassam lejn Mifsud, li kien għadu kemm daħal minflok Ian Zammit, iżda l-konklużjoni tal-attakkant Belti kienet kompletament żbaljata.
B’Kara bdew jippruvaw ikunu aktar avventurużi, u fil-65 minuta xutt mid-distanza ta’ Paul Fenech ġiegħel lil Cini jtir minn tulu sabiex salva ballun li deher iddestinat għar-rokna.
Sat-tmiem, minkejja li B’Kara ppruvaw jinfdu lid-difiża Beltija sabuha diffiċli li jagħmlu dan. Anzi kienu Valletta li fil-ħin mogħti żejjed resqu darbtejn viċin li jissiġillaw ir-rebħa. L-ewwel meta free-kick angolat ta’ Barbosa għadda ftit barra. U ftit wara, meta Ogunuppe waħdu quddiem Gauci ra lill-goalkeeper Karkariż idawwar f’corner.
|