12 ta' Jannar, 2013
18:30 CET |
I-manager ta’ Man City, Roberto Mancini, qal li fadal żmien biżżejjed biex ikun deċiż il-futur tal-attakkant Carlos Tevez. Il-kuntratt ta’ Tevez jiskadi fis-sajf tal-2014 u minkejja li Tevez, xhur ilu, sostna li hu kuntent mat-tim, għad ma kienx hemm diskussjonijiet uffiċjali bejn id-diriġenza u l-player.
Staġun ilu, Tevez kellu problemi mal-klabb wara li f’Settembru tal-2011 kien irrifjuta li jidħol bħala sostitut fil-logħba taċ-Champions League kontra Bayern Munich, u wara dan l-argument mal-klabb l-eks player ta’ Man Utd qabad u telaq lejn pajjiżu, l-Arġentina. Tevez kien irritorna lura l-Ingilterra lejn l-aħħar perijodu tal-istaġun u kien għen lit-tim jirbaħ il-kampjonat proprju fl-aħħar minuti tal-aħħar logħba kontra QPR.
“Ma nafx x’għandu f’moħħu Carlos. Għada fadal 18-il xahar biex jiskadi l-kuntratt tiegħu u naħseb hemm ċans biżżejjed biex nitkellmu dwar dan,” qal Mancini. Ta’ min jinnota li jekk Tevez ma jġeddidx il-kuntratt jista’ jitlaq b’xejn sena oħra. Dan l-istaġun, Tevez skurja disa’ goals. Mancini qal li l-klabb jista’ jġedded il-kuntratt ta’ Tevez b’sena minħabba li dan għandu 28 sena.
MODRIC – Skont xi rapporti fil-ġurnali Ingliżi, Chelsea se jippruvaw jakkwistaw lill-midfielder offensiv ta’ Real Madrid, Luke Modric. Fis-sajf ta’ sentejn ilu, Chelsea diġà kienu ppruvaw jakkwistaw lil dan il-player mingħand Tottenham, imma kienu Real li akkwistaw il-firma tiegħu. Ma’ Real, Modric naqas milli jimpressjona u issa s-sid tal-Blues, Roman Abramovich, se joffri 22 miljun lira sterlina. Chelsea għandhom ħsieb li jakkwistaw lil Modric biex jimla l-post vojt li se jħalli l-veteran Frank Lampard wara li d-diriġenza ħabbret li mhix se ġġeddidlu l-kuntratt. Real kienu ħallsu s-somma ta’ 40 miljun lira sterlina għal Modric. Man Utd, fil-passat ukoll kienu interessati f’Modric, imma meta dan mar ma’ Real, dawn akkwistaw lil Kagawa mingħand Borussia Dortmund.
WALCOTT – Il-manager ta’ Arsenal, Arsene Wenger, qal li jemmen li la darba Theo Walcott se jġedded il-kuntratt mal-klabb, dan se jkompli jitjieb. Il-player internazzjonali Ingliż hu mistenni jiffirma kuntratt ġdid li bih se jirċievi salarju ta’ 90 elf lira sterlina fil-ġimgħa. Wenger qal li Waclott hu mistenni jġedded il-kuntratt sa tmiem ix-xahar.
|