9 ta' Jannar, 2013
18:26 CET |
Is-seed nru 1, l-Amerikan John Isner, kien eliminat minn Sydney International mill-komptrijiott Ryan Harrison imma almenu ħareġ fuq il-court f’jum fejn komplew jirtiraw aktar plejers minħabba injuries u dan kompla jħarbat it-turnaments ta’ preparazzjoni għall-Open tal-Awstralja.
Gilles Simon, seed nru 2 irtira aktar qabel il-logħba mal-aħħar 16 f’Sydney b’injury f’għonqu waqt li Kei Nishikori u n-numru 9 Janko Tipsarevic saru t-tieni u t-tielet plejer li rtiraw mill-Kooyong Classic li fih jieħdu sehem tmien plejers irġiel. In-numru 13 fid-dinja Isner sofra minn selħa f’siequ l-leminija li temmet il-parteċipazzjoni tiegħu fit-Tazza Hopman il-ġimgħa l-oħra b’telfa 6-4, 6-4 kontra Harris u ħallietu jikkontempla jekk jirtirax ukoll mill-Open tal-Awstralja.
“Qed inħossni aħjar. Ħafna aħjar milli ħsibt imma xorta m’inix mija fil-mija. Għadni ma nafx, irrid nieħu deċiżjoni dalwaqt. Forsi nista’ nirbaħ logħba jew tnejn imma f’dan l-istadju ma narax lili nnifsi nirbaħ it-turnament kollu, żgur.” L-Awstraljan Bernard Tomic ikkonferma li reġa’ sab il-forma meta wera service ferm aħjar u rebaħ 7-6, 6-2 lis-seed nru 5 Fliorian Meyer.
Is-seed nru 4 ta’ Sydney, Fernando Verdasco wkoll ħareġ tellief 6-3, 6-3 kontra Denis Istomin waqt li s-seed nru 6 Radek Stepanek irtira mweġġa’ wara erba’ punti mil-logħba tiegħu.
L-irtirar tiegħu isegwi dawk tal-Franċiżi l-oħra Jo-Wilfried Tsonga u Richard Gasquet li rtiraw minħabba injury fil-hamstring u għal ‘raġunijiet personali’ rispettivament. L-eks Champion tal-US Open Juan Martin Del Potro, li jaf tajjeb xi jfisser li tibda s-sena b’injury, beda l-2013 f’Kooyong b’rebħa 6-4, 3-6, 7-6 fuq Paul-Henri Mathieu.
Il-Ġappuniż Nishikori, numru 18 fid-dinja kien sfurzart jirtira bi problemi f’irkopptu waqt li Tipsarevic, rebbieħ f’Chennai il-ġimgħa l-oħra kien set minn taħt kontra Marco Baghdatis meta rtira bi problemi fil-polz. Aħbarijiet pożittivi waslu mit-temp f’Sydney b’temperaturi ta’ madwar 25 grad Celsius fiċ-Ċentru Olimpiku tat-Tennis kontra l-40 grad li kien hemm jum qabel.
Is-seed nru 1 Agnieszka Radwanska b’ton ċajtier qalet li kienet qed tħossha ‘iffriżata’ meta mqabbel mat-temperatura li kien hemm fil-logħba mill-aħħar 16 tagħha kontra t-Taljana Roberta Vinci fejn rebħet 6-4,7-5. Il-Pollakka li hi n-nru 4 fid-dinja u finalista telliefa f’Wimbledon is-sena l-oħra, issa rebħet seba’ partiti konsekuttivi sa mill-bidu tas-sena wara s-suċċess f’Auckland il-ġimgħa l-oħra.
|