12 ta' Jannar, 2013
18:26 CET |
Il-kowċ ta’ Juventus, Antonio Conte, għal darba oħra reġa’ tkellem fuq il-piena li irċieva sena ilu u reġa’ qal li hu ma kienx jaf b’logħob immanipulat. Conte kien oriġinarjament sospiż għal 10 xhur minħabba li meta kien għadu kowċ ta’ Bari kien jaf b’logħob immanipulat, imma ma rrappurtax lill-awtoritajiet. Din is-sospensjoni ġiet imnaqqsa għal erba’ xhur u Conte irritorna fuq il-bank ta’ Juventus f’Diċembru li għadda.
“Jien qatt ma kont naf bl-ebda każ. Li player jimmanipula partita hi xi ħaġa tal-mistħija, u li kieku kont naf li player tat-tim tiegħi qed jagħmel dan kont naqtagħlu rasu barra,” qal Conte.
Intant, l-eks Direttur Sportiv ta’ Juventus, Luciono Moggi, se jikkontesta fir-reġjun tal-Piemonte mar-Riformisti Taljani, grupp politiku li hu alleat mal-Popolo Della Libertà tal-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi. Il-kowċ ta’ Roma, Zdenek Zeman, rivali kbir ta’ Moggi, hekk kif sar jaf li Moggi se jikkontesta għall-elezzjoni qal, “Il-fatt li Moggi se joħroġ għall-elezzjoni juri l-istat li tinsab fih il-politika Taljana bħalissa.” Moggi kien ġie sospiż mill-futbol wara li nstab ħati li kien immanipula xi logħob ta’ Juventus.
|