12 ta' Jannar, 2013
19:38 CET |
Chelsea pattew għall-aħħar ħarġiet deludenti fil-Premiership u l-Capital One Cup b'rebħa impressjonanti ta' 4-0 kontra Stoke City fil-Britannia Stadium u meta żgur li l-attakkant tal-Potters Jonathan Walters ma jinsa qatt dawn id-90 minuta partikulari fejn ikkommetta żewġ awto-gols u anki falla penalty.
Stoke rari jagħtu wirjiet ħżiena quddiem il-pubbliku tagħhom u qabel dan il-konfront kienu ġejjin minn sensiela ta' sbatax-il logħba mingħajr telfa ( fil-Britannia) – madankollu, d-destin ried li tkompli s-sekwenza negattiva tagħhom ma' Chelsea u li ilhom ma jirbħulhom fil-league mill-1975.
Il-kalvarju għal Stoke – u Walters – beda sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima tmeta Walters tefa' l-cross ta' Cesar Azpilicueta fix-xibka tiegħu stess u bl-attakkant tal-Potters mill-ġdid ikun 'protagonista' fil-65 minuta bit-tieni awtogol, din id-darba fuq il-korner ta' Juan Mata.
Minn dak il-ħin 'il hinn il-logħba kienet kollha ta' marka Chelsea, bi Frank Lampard jagħmilhom 3-0 mill-penalty-spot ( wara foul
fil-kaxxa fuq Mata) u b'Eden Hazard jgaqqad il-'poker' fit-73 minuta.
Intant, l-aħħar drama kellha tkun ta' Walters anki meta l-logħba kienet mirbuħa u mitlufa – bl-internazzjonali Irlandiż, li kien qed jagħme l il-mitt dehra tiegħu fil-Premiership, jitlef penalty fid-disgħin minuta biex sfuma ċ-ċans ta' skor aktar rispettabbli għat-tim tiegħu.Dan ir-riżultat itella' lil Chelsea fit-tielet post , ħdax-il punt taħt il-leaders tal-Premiership Manchester United li llum jilqgħu lil Liverpool f'Old Trafford f'dik li għandha tkun l-aqwa logħba tal-programm.
Rebħa għal United tfisser li r-Red Devils jibqgħu jżommu l-vantaġġ komdu attwali f'ras il-klassifika u meta l-eqreb sfidanti Manchester City anki llum huma impenjati f'logħba diffiċli għand Arsenal. Intant, Queens Park Rangers qegħdin jokkupaw l-aħħar post tal-Premiership minkejja li kisbu punt prezzjuż fi draw ma' Tottenham u wara li Reading wettqu rimonta sorprendenti fejn skurjaw tlett darbiet fl-aħħar tmien minuti biex jegħlbu lil West Bromwich Albion 3-2.
Mill-banda l-oħra, Aston Villa komplew fit-triq tan-niżla b'telfa oħra, din id-darba kontra Southampton, u f'konfront li f'din il-fażi tal-istaġun jista' jitqies bħala 'six-pointer' importanti. Dan meta qed tiħrax it-taqtigħa bejn il-klabbs lejn in-naħat t'isfel tal-klassifika u li qegħdin jistinkaw qatigħ ħalli jżommu posthom mal-elit tal-football Ingliż.
LOFTUS ROAD: QPR u Tottenham spiċċaw fi draw ta' mingħajr goals f'dan id-derby ta' Londra li anki kienet l-ewwel logħba ta' Harry Redknap – illum il-manager tal-Hoops – kontra l-eks-klabb tiegħu li keċċih minn manager f'Awwissu li għadda. Id-difiża tal-Hoops iddefendiet b'għaqal għal ħinijiet twal, bil-goalkeeper Julio Cesar iwettaq saves fuq Jermain Defoe u Emmanuel Adebayor u b'Michael Dawson ixellef għal barra waqt azzjoni perikoluża oħra ta' Spurs.
VILLA PARK: Aston Villa niżlu fiż-żona l-ħamra tal-Premiership meta penalty skurjat fl-ewwel taqsima minn Rickie LAMBERT kien biżżejjed biex jagħti tlett punti kruċjali lil Southampton. Il-penalty ingħata f'ċirkostanzi kontroversjali wara li Jay Rodriguez tas-Saints waqa' fil-kaxxa mingħajr ma kien seħħ kuntatt u bil-logħba tkompli għat-telgħa għall-Villains li l-aktar li marru qrib kien b'daqqa ta' ras ta' Nathan Baker li stampat mal-mimduda.
GOODISON PARK: Everton spiċċaw miżmuma fi draw ta' 0-0 minn Swansea u meta ż-żewġ punti mitlufa jistgħu jiswew qares għat-tentattivi tat-Toffees biex jiksbu post fiċ-Champions League fl-istaġun li ġej. Everton ħolqu sensiela ta' ċansijiet iżda naqsu milli jiskurjaw għall-ewwel darba fi dsatax-il logħba tal-league u fejn il-goalkeeper tas-Swans Michel Vorm wettaq saves tajbin fuq Victor Anichebe, Nikica Jelavic u Phil Neville.
CRAVEN COTTAGE: L-ewwel goal għal Franco DI SANTO fi tlett xhur salva punt għal Wigan Athletic kontra Fulham li kienu marru fil-vantaġġ fl-għoxrin minuta b'goal ieħor spettakolari tal-attakkant Grieg Giorgos KARAGOUNIS. Il-Latics heddew il-lasta ta' Schwarzer anki qabel wasal il-goal ta' Di Santo u fejn xutt ta' Shaun Maloney spiċċa mxellef għal fuq il-lasta wara azzjoni insidjuża.
CARROW ROAD: Norwich City u Newcastle kienu involuti f'logħba monotona li ftit ipproduċiet azzjonijiet u bl-iskor finali ta' 0-0 ikun prevedibbli fiċ-ċirkostanzi. Il-Canaries marru l-aktar qrib li jiżblukkaw ir-riżultat meta fit-tieni taqsima d-difensur Russell Martin laqat il-lasta b'xutt mill-bogħod u b'Anthony Pilkington ifalli ċans tajjeb ieħor lejn it-tmiem.
STADIUM OF LIGHT: Sunderland taw wirja impressjonanti kontra West Ham United u fejn kisbu l-ewwel rebħa tal-2013. Il-Black Cats għalqu l-ewwel taqsima minn fuq b'goal ta' Sebastian LARSSON u b'Adam JOHNSON jirdoppja mal-bidu t-tieni taqsima wara żball tad-difensur Dan Potts. Il-Hammers rari daħlu fil-logħba u b'Sunderland jissiġillaw ir-riżultat minn James McLEAN li reġa' sab ix-xibka minn angolu diffiċli.
MADEJSKI STADIUM: Reading għelbu lil West Bromwich Albion għal riżultat li kien qed jidher impossibbli sa tmien minuti mit-tmiem u fejn il-Baggies kienu qed igawu vantaġġ doppju grazzi għall-attakkant prolifiku Romelu LUKAKU (fid-19 u s-70 minuta). Ir-reazzjoni tar-Royals, minkejja li tard, kienet enfatika, b'Jimmy KEBE inaqqas id-distakk fit-82 minuta u b'Adam LE FONDRE jiskorja penalty għal riżultat parzjali ta' 2-2 u b'diving header minn Pavel POGREBNYAK fil-ħin miżjud jaċċerta r-rebħa kontra kull mistenni.
Premier Ingliż
QPR v Tottenham 0-0
Aston Villa v Southampton 0-1
Everton v Swansea 0-0
Fulham v Wigan 1-1
Norwich v Newcastle 0-0
Reading v West Brom 2-3
Stoke v Chelsea 0-4
Sunderland v West Ham 3-0
Illum
Man Utd v Liverpool
Arsenal v Man City
|