8 ta' Jannar, 2013
21:08 CET |
Il-logħba bejn il-Bulgarija u Malta mill-fażi ta' kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2014 se tintlagħab bil-bibien magħluqa, wara li kemm il-Bulgarija kif ukoll l-Ungerija nstabu ħatja ta' abbuż razzjali u anti-semitiku u kienu kastigati mill-FIFA.
Il-Bulgarija nstabu ħatja wara li grupp sostanzjali ta' partitarji bdew ikantaw u jgħaddu kummenti razzjali kull darba li s-sostitut Daniż Patrick Mtiliga beda jmiss il-ballun waqt il-logħba ta' kwalifikazzjoni bejn il-Bulgarija u d-Danimarka li ntlagħbet f'Sofja f'Ottubru.
Min-naħa tagħhom l-Ungerija nstabu ħatja ta' kant anti-semitiku waqt il-logħba ta' ħbiberija bejn l-Ungerija u Iżrael li ntlagħbet f'Awwissu. Fiż-żewġ każi l-kummissjoni dixxiplinari tal-FIFA wissiet li ripetizzjoni ta' akkużi simili jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet iktar ħorox li jistgħu jinkludu tnaqqis ta' punti, it-telf tal-logħba u anki sospensjoni mill-kompetizzjoni għall-pajjiż li jinstab ħati.
Fis-sentenza l-kummissjoni tad-dixxiplina użat kliem iebes li mhux soltu li jintuża f'sentenzi ta' din il-kummissjoni. Dwar l-inċidenti ta' Sofja l-kummissjoni ddeskrivitom bħala offensivi u diskriminatorji, filwaqt li l-inċidenti ta' Budapest kienu deskritti bħala ta' stmerrija kbira.
Dawn is-sentenzi ħarġu fl-istess jiem li l-UEFA qed tkun akkużata li mhux qed tkun iebsa biżżejjed dwar każi simili. Porto, Lazio u s-Serbja kollha kienu biss immultati f'sentenzi li ngħataw il-ġimgħa l-oħra fuq akkużi ta' abbuż razzjali. Ta' min jgħid iżda li l-istess UEFA appellat mis-sentenza dwar is-Serbja li nstabu ħatja wara inċidenti fil-logħba kontra l-Ingilterra f'logħba ta' kwalifikazzjoni għall-kampjonat Ewropew ta' taħt il-21 sena, fejn il-UEFA qed titlob għal sentenza iktar ħarxa.
Minbarra li se jkollhom jilagħbu l-logħba kontra Malta fi stadium vojt, il-Bulgarija kienu wkoll immultati 35 elf Franc Żvizzeru, filwaqt li l-Ungerija se jilagħbu fi stadium vojt kontra r-Rumanija u kienu wkoll immultati 40 elf Franc Żvizzeru. Il-logħba bejn Ungerija u Rumanija tista' tkun waħda deċiżiva biż-żewġ naħat jissieltu għat-tieni post wara l-leaders Olanda.
Il-FIFA qalet ukoll li waqt il-logħba ta' Sofja l-partitarji xeħtu wkoll logħob tan-nar fil-ground. Il-kummissjoni tad-dixxiplina qalet li l-aġir ta' numru żgħir ta' partitarji kien tal-mistħija.
|