8 ta' Jannar, 2013
21:15 CET |
Il-President ta' Milan, Silvio Berlusconi, qal li Milan qatt m'huma se jakkwistaw lill-attakkant ta' Man City, Mario Balotelli. Skont Berlusconi Balotelli hu tuffieħa mħassra li jirrovina lil dawk ta' madwaru.
Matul dawn l-aħħar xhur kien hemm ħafna spekulazzjonijiet li Milan jistgħu jakkwistaw lil Balotelli, speċjalment wara li fis-sajf telaq Ibrahimovic. Barra minn hekk, fil-jiem li għaddew l-attakkant l-ieħor ta' Milan, Pato żvela li se jitlaq lit-tim minn Milan u se jmur ma' Corinthians. Fis-snin riċenti, fuq stazzjon televiżiv, Balotelli kien libes il-flokk ta' Milan u barra minn hekk mhix l-ewwel darba li mar jara lil Milan meta jmur lura f'pajjiżu.
“Dan il-klabb jagħti każ ħafna l-aspett uman tal-players u mhux biss xi jkunu kapaċi jagħmlu fil-grawnd. Jekk tpoġġi plejer li qisu tuffieħa mħassra hemm riskju kbir li ta' madwaru jiġrilhom l-istess. Balotelli hu xi ħadd li qatt ma naċċetta mal-klabb tagħna,” qal Berlusconi.
Berlusconi tkellem ukoll dwar Pato u qal li hemm ftehim bejn il-plejer u l-klabb li dan se jirritorna mat-tim wara sena u nofs. “Kienu l-ħafna injuries li sofra li żammew lil Pato milli jkompli jiżviluppa. Għamilna patt li wara sena u nofs jerġa' jiġi magħna,” qal Berlusconi.
Berlusconi kien ukoll mistoqsi dwar jekk Milan hux se jġeddu l-kuntratt tal-kowċ Massimiliano Allegri, kuntratt li jiskadi f'Ġunju tal-2014. Berlusconi għażel li ma jikkummentax dwar dan u tkellem dwar Pep Guardiola, eks-kowċ ta' Barcelona li matul il-ġimgħa żvela li mill-istaġun li ġej se jibda jmexxi tim ġdid.
“Minn dejjem xtaqt li jkollna lil Guardiola bħala kowċ għax il-futbol ta' Barcelona hu l-aqwa fid-dinja. Iżda ċ-ċansijiet li dan Pep jiġi magħna huma ftit,” temm jgħid Berlusconi.
FELLAINI – Skont rapporti fil-ġurnali Ingliżi numru ta' klabbs Ingliżi jinsabu interessati fil-plejer ta' Everton Marouane Fellaini. Everton mhux biss qalu lil dan il-plejer li jista' jitlaq iżda anke żvelaw li s-somma biex wieħed jakkwista s-servizzi tiegħu hi ta' 22 miljun lira sterlina. Fl-2011 Fellaini kien iffirma kuntratt ta' ħames snin mal-klabb iżda wara l-wirjiet mill-aqwa li kellu matul l-istaġun li għadda u dan l-istaġun hemm diversi klabbs kbar li jridu jakkwistaw il-firma tiegħu.
Fost dawn il-klabbs hemm Chelsea li issa qed jippruvaw ifittxu midfielder biex fl-aħħar tal-istaġun jieħu post Frank Lampard. Dan tal-aħħar, li għandu 34 sena se jitlaq fl-aħħar tal-istaġun wara li l-Blues iddeċiedew li ma jġeddulux il-kuntratt. Matul il-ġimgħa Fellaini skorja d-disa' gowl tiegħu dan l-istaġun f'partita mill-FA Cup kontra Cheltenham.
HEYNCKES – Il-kowċ ta' Bayern Munich Jupp Heynckes ta x'jifhem li fl-aħħar tal-istaġun jista' jħalli lill-klabb. Il-kuntratt tiegħu jintemm fi tmiem l-istaġun u jidher li d-diriġenza mhux se ġġeddidlu l-kuntratt. Heynckes, fl-2011 kien ħa post Louis Van Gaal u minkejja li f'dawn l-aħħar sentejn ma rebaħ xejn, Bayern Munich urew logħob pożittiv u waslu anke sal-finali taċ-Champions League u tilfuha f'darhom stess kontra Chelsea. “Qatt ma rajt lil Bayern jilagħbu futbol daqshekk modern u li jiġbed l-għajn minn kemm ilni nmexxi lit-tim. Min-naħa tiegħi se nibqa' naħdem kif dejjem ħdimt, jiġri x'jiġri fis-sajf,” qal Heynckes.
DYER – L-eks midfielder internazzjonali Ingliż Keiron Dyer ingħata r-release mingħand QPR. F'dawn l-aħħar snin Dyer kellu diversi injuries li ma ħallewhx jilgħab il-futbol b'mod kontinwu. Il-kowċ Harry Redknapp qal li Dyer ma kienx fil-pjani tiegħu. Dyer ilu ma' QPR minn Lulju li għadda u minn dakinhar beda biss erba' darbiet mal-ewwel 11. L-ewwel gowl ta' Dyer ma' QPR wasal fi tmiem il-ġimgħa kontra West Brom fl-FA Cup.
|