John ZAMMIT
10 ta' Jannar, 2013
15:58 CET |
Il-Labour irid ineffaq lill-pajjiż 376 miljun ewro biex jibni power station oħra ma' dik li għandna llum u li bihom it-tnejn u bl-interconnector li se jkollna ma' Sqallija, inkunu qed nipproduċu elettriku d-doppju ta' li għandna bżonn.
L-iskuża tal-Labour hi li b'din il-power station oħra l-pajjiż ikun jista' jipproduċi elettriku bi ftit irħas mil-lum. Imma x'mhux qed jgħid il-Labour hu li bl-interconnector ma' Sqallija, ukoll inkunu nistgħu nixtru elettriku b'irħas mil-lum.
Xi ħaġa ma ddoqqx
Mela għalfejn power station żejda? Hemm xi ħaġa ma ddoqqx f'dil-biċċa li l-Labour ressaqha bħala fatt lest bla ma ppubblika xejn, u li qed jgħid li trid issir bl-għaġla.
Il-Labour qed jgħid li l-kumpanija privata barranija li għandu f'moħħu li tibni power station tagħmel hekk minn flusha. Imma kulħadd jaf li kumpanija privata hi ħaġa minn awl id-dinja li ġġib dak kollu li tonfoq minn fuq ix-xerrej u bil-qligħ ukoll.
Piż kbir fuq il-familji Maltin
U meta taħdem 376 miljun ewro li l-Labour stess qed jammetti li trid tiġi tiswa l-power station li jibni, 100 miljun oħra mill-anqas għall-vapuri li l-Labour qed jgħid li hemm bżonn biex iġorru l-gass għal dil-power station oħra, u l-infrastruttura li jkun irid jibni apparti l-Gvern biex jilqa' u jaħżen il-gass, din titla' għal somma kbira li biex nifhmuha tfisser piż ta' aktar minn 4,000 ewro fuq kull familja Maltija.
U aktar. Meta nispiċċaw niddependu fuq kumpanija barranija waħda u sors ta' enerġija wieħed – il-gass – x'jiġri? Nispiċċaw ostaġġi ta' kumpanija barranija u ta' sors wieħed għall-elettriku li mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn?
Dipendenza u ħabi
U dat-taħditiet li l-Labour għamel bil-moħbi ma' kumpaniji diversi? Gvern serju jagħmel studji dettaljati, konsultazzjonijiet aperti, u joħroġ kuntratti kompetittivi internazzjonali li jkun ċar li mhumiex imfasslin għal xi kumpanija li jrid hu.
Dil-proposta tal-Labour hi agħar milli kien għamel Sant meta bidel il-VAT b'taxxa oħra u faqa' l-kaxxa ta' Malta. Din ukoll tifqa' l-finanzi tal-pajjiż, tibni power station bla bżonn, u, aktar, fiha wkoll xi ħaġa ma ddoqqx.
Sular għalxejn irħas?
Qisna familja li għandna dar b'sular wieħed li hu biżżejjed għalina u li dalwaqt ikollna aktar spazju isfel. U jiġi l-Labour jgħidilna biex nibnu sular ieħor li m'għandniex bżonn, immorru noqogħdu fih, inħallu li għandna vojt – u kollox jiġina irħas minn issa. Hu ċar li hemm xi ħaġa ma ddoqqx f'dan kollu.
|