Michael CARUANA
8 t' Awwissu, 2008
12:26 CET |
L-Isqfijiet ta' Malta u Għawdex iddikjaraw li dak kollu li jdgħajjef u jkisser iż-żwieġ u l-familja, bħall-koabitazzjoni d-divorzju, għalkemm jista' jidher li jsolvi xi diffikultajiet lil individwi, għandu konsegwenzi serji u fit-tul fuq il-ġid komuni tas-soċjeta'. Hekk jixhdu l-esperjenzi ta' pajjiżi oħra.
L-Arċisqof ta' Malta Pawlu Cremona, l-Isqof ta' Għawdex Mario Grech u l-Vigarju Ġenerali ta' Malta Annetto Depasquale qalu dan fi stqarrija li ħargu wara l-aħħar laqgha tal-Konferenza Episkopali Maltija li saret ilbieraħ. F'din il-laqgħa bejnethom, qalu l-Isqfijiet, huma għamlu evalwazzjoni tad-diskussjoni li għaddejja bħalissa fil-pajjiż dwar iż-żwieġ u l-familja f'sitwazzjoni li żviluppat wara l-aħħar elezzjonijiet ġenerali.
Din is-sitwazzjoni, qalu l-Isqfijiet, wasslithom biex jagħmlu numru ta' kunsiderazzjonijiet. Fost l-oħrajn, qalu l-Isqfijiet, fir-riflessjoni tagħha fuq il-bniedem l-Knisja msaħħa mill-Kelma ta' Alla, temmen li ż-żwieġ u l-familja huma ta' ġid fundamentali għall-individwu u għas-soċjeta'. Għalhekk isostnu li l-komunita' nisranija tista' u għandha tagħti l-kontribut tagħha f'din id-diskussjoni minħabba li l-bniedem hu t-Triq tal-Knisja.
Għal ħafna snin, ikomplu l-Isqfijiet fl-istqarrija tagħhom, kienet il-knisja waħidha li ffurmat u mxiet mal-koppji fl-esperjenza tagħhom taż-żwieġ u l-familja. Kienet ukoll il-Knisja li għenet lil dawk li sabu diffikultajiet fil-ħajja taż-żwieġ u lil uliedhom. L-Isqfijiet jikkunsidraw li l-Insara u dawk li jemmnu fil-valur taż-żwieġ u tal-familja għandhom jimpenjaw irwieħhom skond ir-responsabbilitajiet tagħhom.
Nifhmu, ikomplu l-Isqfijiet, li quddiem il-kultura li qed ngħixu fiha, dan ifisser li wieħed irid imur kontra l-kurrent. L-Isqfijiet jesprimu t-tama tagħhom li jkunu ħafna dawk li l-għażla tagħhom li jagħtu fil-beraħ il-kontribut favur iż-żwieġ u l-familja tegħleb l-għażla ta' dawk li jibqgħu siekta minħabba l-biza' tal-kritika.
|