Josianne CAMILLERI
26 ta' Lulju, 2010
17:33 CET |
Sa ftit xhur oħra l-isptar Ġenerali t'Għawdex se jkun mgħammar b'taqsima ġdida tar-Radjoloġija filwaqt li se tiġi mtejba t-tieni sala tal-operazzjonijiet. Fil-fatt għaddej b'ritmu mgħaġġel ix-xogħol fuq proġett li se jiswa tliet miljuni u mitejn elf ewro li 85% minnhom se jiġu ffinanzjati mill-fondi tal-UE, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
S'issa sar ħafna mix-xogħol strutturali fit-taqsima tar-Radjoloġija, bl-aħħar żviluppi jinkludu l-kisi tal-art u l-ħitan b'folji taċ-ċomb li għandhom funzjoni protettiva fi strutturi ta' din in-natura. It-taqsima ġdida tar-Radjoloġija fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex mistennija tibda taħdem sal-aħħar ta' din is-sena.
Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono żaret it-taqsima tar-Radjoloġija fejn qed isiru x-xogħlijiet fuq dan il-proġett.
Uħud mix-xogħlijiet li saru s'issa kienu jinvolvu finanzjament minn fondi nazzjonali bi tħehhija għall-implimentazzjoni tal-proġett ffinanzjat minn fondi Ewropej.
Ħidma oħra importanti kienet dik marbuta mat-tneħħija tas-saqaf qadim li parti minnu kienet magħmula mill-asbestos.
Il-Ministru għal Għawdex spjegat kif dan il-proġett kien propost fid-dawl tal-istrateġija nazzjonali 2007-2013 li tindirizza l-aċċessibilta' għas-servizzi tas-saħħa biex fost l-oħrajn tiġi mtejba l-kwalita' tal-ħajja anke fil-gżira t' Għawdex.
|