28 ta' Lulju, 2010
11:08 CET |
Madwar 40 student Għawdxi li qed jattendu f'wieħed mill-għaxar ċentri ta' Skola Sajf f'Għawdex għamlu żjara fis-sit storiku tal-Ġgantija bħala parti mill-mawriet edukattivi li Heritage Malta qed torganizza għall-istudenti li qed jattendu Skola Sajf f'Għawdex.
It-tfal qattgħu n-nofs ta' nhar ta' filgħodu jiskavaw għadam u statwetti minn ġol-ħamrija, f'post li kien ippreparat apposta minn Heritage Malta fil-Ġgantija stess.
L-istess attivita' se ssir għall-istudenti l-oħra li qed jattendu ċ-ċentri kollha ta' Skola Sajf f'Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono ltaqgħet mat-tfal preżenti għal din l-attivita' u ħeġġithom biex jitgħallmu aktar dwar l-istorja ta' pajjiżna filwaqt li jagħrfu wkoll japprezzaw il-wirt storiku u kulturali tal-gżejjer tagħna.
Hija faħħret l-inizjattiva li qed tieħu Heritage Malta biex torganizza attivitajiet bħal dawn, kif ukoll il-ħidma ta' din l-entita' fuq proġett għall-bini ta' Visitors Centre fil-Ġgantija u fl-istudji meħtieġa għar-restawr ta' dan is-sit storiku.
Fi Skola Sajf ta' din is-sena qed jattendu b'kollox madwar 500 tifel u tifla f'għaxar ċentri li jinsabu fl-iskejjel primarji fi ħdan il-Kullegg t'Għawdex, u f'ċentri oħrajn fl-Oratorju Don Bosco u l-Arka Respite Centre.
Permezz ta' dan il-programm it-tfal qed ikabbru l-ħiliet tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-arti, krafts, kant, mużika, żfin u drama, filwaqt li jitgħallmu aktar dwar il-ħarsien tas-saħħa, il-ħarsien tal-ambjent u tal-annimali, il-ħarsien tal-wirt kulturali, il-prevenzjoni kontra l-abbużi, il-ħajja inklussiva, il-kompjuter u t-turiżmu.
L-istudenti qed jieħdu sehem ukoll f'attivitajiet sportivi, ħarġiet kulturali u edukattivi, kif ukoll fi skambji mal-istudenti li jattendu SkolaSajf f'Malta.
Skola Sajf f'Għawdex fetħet aktar kmieni dan ix-xahar u mistennija tibqa' għaddejja sa l-ewwel ġimgħa ta' Settembru.
|