13 ta' Jannar, 2013
10:05 CET |
F’inqas minn xahrejn li l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista eleġġa lil Simon Busuttil bħala l-Viċi Kap, l-istess Busuttil iffaċċja f’dibattiti fuq il-PBS tliet Deputy Leaders tal-Partit Laburista u, hi fehma ġenerali, li rebaħ it-tliet konfronti.
Simon Busuttil iffaċċja lil Anġlu Farrugia fil-programm Xarabank, lil Louis Grech fil-programm Dissett, u lil Toni Abela f’Bondiplus.
Kummenti fil-media indipendenti sostnew li Simon Busuttil hu konoxxenti ħafna tal-issues kollha politiċi, jitkellem b’mod ċar u li jinftiehem, filwaqt li qed iwassal b’mod impekkabbli l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal Malta.
Minkejja tentattivi mqanżħa biex il-Labour jiċħad dak li kulħadd jaf u qal, il-wirja ta’ Anġlu Farrugia kontra Busuttil kienet ir-raġuni ewlenija għall-‘qtugħ ir-ras’ tiegħu minn Joseph Muscat fit-tieni l-ogħla kariga tal-Labour bħala Deputy Leader.
Għalkemm kien il-Labour stess li daħħal lil Farrugia fi kriżi, meta l-ewwel waqfu milli jmur f’Xarabank — biex floku bagħat lil Franco Debono — u mbagħad, 24 siegħa wara, il-Labour dawwar ir-rotta, Anġlu Farrugia kien meqjus li tilef għal kollox id-dibattitu ma’ Simon Busuttil, anke fuq punti ewlenin tal-programm laburista.
Il-verità hi li fil-Labour lanqas komunikazzjoni bejn Muscat u Farrugia ma kien hemm fuq il-proposta dwar id-dawl u l-ilma u allura ma kinitx sorpriża li Farrugia jidher miżerabbli meta konfrontat fuq is-suġġett.
Id-dibattitu bejn Simon Busuttil u Anġlu Farrugia wasal wara li fit-8 ta’ Diċembru, 2012, il-Labour kien waqqaf lil Toni Abela milli jieħu sehem fil-programm Dissett ma’ Simon Busuttil u, għaldaqstant, il-programm sar bil-parteċipazzjoni tal-Viċi Kap Nazzjonalista biss.
Sadattant, b’ħafna manuvri u maniġġi, Muscat sforza lil Anġlu Farrugia biex jirriżenja minn Deputy Leader u, bi pjan ‘bizzilla’, impona lil Louis Grech minfloku.
Minkejja ħafna logħob u skużi, finalment il-Labour aċċetta li Louis Grech jieħu sehem f’dibattitu ma’ Simon Busuttil fil-programm Dissett li xxandar bħall-bieraħ ġimgħa.
Minkejja li l-Labour ħa ħsieb li dan id-dibattitu ma jiżvolġix f’atmosfera konfrontattiva, Simon Busuttil ikkonferma l-kwalitajiet kollha li l-poplu dara japprezzah għalihom waqt li kien innotat ukoll li kien superjuri għal Louis Grech kemm għall-għarfien tiegħu tal-fatti, kif ukoll għall-viżjoni politika tiegħu.
F’dan id-dibattitu, Grech deher il-ħin kollu jipprova jirreaġixxi għall-ideat ta’ Simon Busuttil u fl-ebda ħin ma offra soluzzjonijiet li tistenna minn partit li ilu snin twal fl-Oppożizzjoni.
Kien jonqos issa Deputy Leader ieħor laburista li kien għadu ma ħax sehem f’diskussjoni ma’ Simon Busuttil. Kien jonqos Toni Abela, id-Deputy Leader tal-Labour għall-Affarijiet tal-Partit.
Din l-okkażjoni nqalgħet nhar il-Ħamis li għadda meta fil-programm Bondiplus kienet diskussa l-hekk imsejħa ‘proposta’ tal-Labour dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
F’dan id-dibattitu mhux biss Busuttil kien superjuri għal kollox u minn kull anglu fuq Toni Abela, iżda d-Deputy Leader laburista kien ħafna ifqar milli kien Anġlu Farrugia fuq Xarabank, anke għaliex qatta’ l-biċċa l-kbira tal-ħin jinterrompi waqt li ma wieġeb l-ebda mistoqsija rilevanti.
Wara l-wirja fqira għall-aħħar ta’ Toni Abela, kienu ħafna li fl-aħħar sigħat staqsew jekk Muscat, issa, hux se jieħu l-istess passi fil-konfront ta’ Abela u jwarrbu mill-kariga tiegħu.
Sadattant Anġlu Farrugia din il-ġimgħa iddikjara f’The Times li hu iddeċieda definittivament li ma jikkontestax l-elezzjoni u li l-involviment tiegħu fil-Malta Labour Party issa ntemm għal kollox.
Nifhmu li l-Partit Laburista se jagħmel minn kollox biex sal-Elezzjoni Ġenerali jevita dibattiti ma’ Simon Busuttil ħlief għal edizzjoni ta’ Xarabank li ilha skedata u li fiha se jkun hemm dibattitu ieħor bejn id-Deputy Leaders taż-żewġ partiti.
Dan id-dibattitu se jsir aktar tard milli kien oriġinarjament maħsub minħabba dawk li kienu deskritti bħala ‘raġunijiet ta’ natura personali’ min-naħa tal-Labour.
Kollox ma’ kollox dawn kienu xahrejn ta’ disfatti għal-Labour fi programmi politiċi fuq it-televiżjoni billi kull darba dehru bla tweġibiet għall-wirjiet impressjonanti tal-Viċi Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil.
|