9 ta' Jannar, 2013
16:27 CET |
Fix-xhur li ġejjin f'Ħal Qormi se jinfetaħ sptar ġdid, l-isptar privat St. Thomas.
Dan l-isptar privat, b'investiment ta' €5 miljun, proġett li x-xogħol fuqu beda sentejn ilu mill-kumpanija Caring First, se jwettaq il-viżjoni tiegħu bis-saħħa ta' tlett ideali li jiffurmaw il-ħsieb wara din l-intrapriża.
L-ewwel ideal hu li l-isptar joffri teknoloġija aktar avvanzata; it-tieni, li joffri servizz fejn il-pazjent ikun il-qalb tal-intrapriża; u t-tielet, li l-isptar St. Thomas ikun pont bejn is-settur tas-saħħa primarja u l-Isptar Mater Dei.
Fix-xhur li ġejjin dan l-isptar se jkun qed joffri diversi servizzi uħud minnhom li għadhom ma bdewx jiġu offruti f'pajjiżna bhal testijiet tad-demm li jindikaw li pazjent ikun f'riskju li jkollu attakk tal-qalb, u b'hekk ikun jista' jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa.
L-isptar St. Thomas se joffri 30 sodda ġdida għall-kura medika u kirurġika, żewġ teatri għall-operazzjonijiet, 13-il klinika out-patient, Laboratorju għat-testijiet tad-demm u tal-patoloġija, Dipartiment iddedikat għal każi ta' emergenza żgħar, servizzi tal-oftalmoloġija u dipartiment tar-radjoloġija diġitali mgħammar bl-aktar CT Scanner avvanzat u innovattiv li se jkun hawn f'pajjiżna.
Waqt żjara fl-isptar St. Thomas, il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità Joe Cassar irringrazzja lis-sid ta' dan l-isptar, Louis Buhagiar, tal-investiment li qed iwettaq fis-settur tas-saħħa u li beħsiebu wkoll jagħmel ftehim mal-Gvern sabiex l-isptar joffri servizzi b'xejn lill-pazjenti, bħal ma diġà jsir permezz ta' public-private partnership mal-isptar St. James f'Ħaż-Żabbar u f'Tas-Sliema.
Ryan Buhagiar, Direttur tal-Kumapnija Caring First spjega li l-isptar se jkun qed iħaddem mal-50 persuna fuq bażi full- u part-time, apparti numru ta' speċjalisti.
Sid l-isptar St. Thomas, Louis Buhagiar, spjega kif bħala kumpanija huma jemmnu li għandu jkun hemm koperazzjoni bejn il-Gvern u s-settur privat fejn jidħlu s-servizzi tas-saħħa u dan min-naħa tagħhom diġà qed iwettquh fil-prattika, f'uħud mis-servizzi li toffri Casa Serena f'San Pawl il-Baħar, li qegħda f'public private partnership mal-Gvern sabiex tilqa' lill-anzjani li ma jkunux iridu jibqgħu jgħixu waħedhom.
B'dan l-isptar is-sidien se jkunu qed jestendu l-koperazzjoni tagħhom mal-Gvern fil-qasam tas-saħħa.
|