Matthew BONETT
12 ta' Jannar, 2013
19:51 CET |
F'anqas minn 30 sekonda, Muscat ikkontradixxa lilu nnifsu fuq l-interess tal-kumpaniji privati għall-proġett tiegħu dwar l-enerġija.
Mistoqsi b'mod dirett jekk l-interess tal-kumpaniji privati giex wara li ħabbar il-proġett nhar it-Tlieta jew qabel, Muscat qal li wara.
Iżda anqas minn 30 sekonda wara, Muscat ikkonferma li sa minn qabel ma ppreżenta l-proġett quddiem il-poplu Malti u Għawdxi, kien tkellem ma' xi kumpanija jew kumpaniji.
Dan is-sit staqsa lil Muscat biex isemmi min huma dawn il-kumpaniji, li skont hu, huma interessati fil-proġett tal-Power Station. Iżda Muscat qal li hu mhux il-Kap Eżekuttiv tagħhom u għalhekk ma jistax jgħid.
Muscat lanqas ma ried jgħid kemm huma dawn il-kumpaniji li skont hu wrew interess.
Minkejja dawn id-dikjarazzjonijiet kunfliġġenti, u minkejja li qal li jirriżenja minn Prim Ministru jekk l-ebda kumpanija privata ma turi interess, hu baqa' jiddefendi l-pożizzjoni u sostna li m'għandu ftehim ma' ħadd.
Muscat kompla jitfa' dubji wkoll dwar l-istudji li suppost iridu jsiru biex tinbena power station ġdida.
|