30 ta' Lulju, 2010
10:54 CET |
Malta ser tkun qed tgawdi minn 4.5 miljun ewro minn mekkaniżmi finanzjarji bejn iż-Żona Ekonomika Ewropeja (EEA) u n-Norveġja għall-perjodu bejn l-2009 u l-2014. Dan wara negozjati intensivi fi Brussell.
L-għan ta' dawn il-mekkaniżmi hu li jiffinanzjaw proġetti b'rabta mal-protezzjoni u management tal-ambjent, il-bidla fil-klima u enerġija li tiġġedded, is-soċjeta' ċivili, żvilupp uman u soċjali u l-protezzjoni tal-wirt kulturali.
Ta' min jinnota li l-ammont ta' 4.5 miljun ewro hu żieda ta' 24% fuq l-ammonta ta' 3.621 miljun ewro li Malta ħadet fil-perjodu bejn l-2004 u l-2009, liema flus intefqu fi proġetti bħall-konservazzjoni tal-Ipoġew ta' Ħal Saflieni, l-implimentazzjoni tas-sistema Schengen fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, kif ukoll il-Master Plan għaċ-Ċittadella f'Għawdex.
Ir-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropeja Richard Cachia Caruana fisser kif dan hu wieħed mill-kisbiet tal-Gvern biex jassigura iktar fondi għal proġetti li jtejbu l-kwalita' tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
|