Ray ABDILLA
10 ta' Jannar, 2013
16:51 CET |
Il-Maġistrat Carol Peralta ikkundanna Slimiż għal tliet xhur ħabs talli naqas milli kif ordnat mill-Qorti jmur jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija. Iżda ftit tal-ħin wara bidel fehmtu wara li bil-ħniena dan qallu li kien verament ma jiflaħx u kien għalhekk li ma setax imur jiffirma.
Il-Maġistrat Peralta iddeċieda li jikkundanna lil Stephen Galli, iżda tah l-benefiċċju tad-dubju u ordnalu li jibda jmur jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta' Tas-Sliema darbtejn kuljum u qatt ma jfalli darba oħra sakemm jiġi eżawrit il-każ tiegħu.
Galli jinsab għaddej proċeduri kriminali fil-Qorti dwar serq ta' madwar €3,000 f'fidda mil-lukanda Preluna, f'Tas-Sliema, f'Settembru li għadda. Il-fidda kienet se tintuża waqt wirja.
Huwa qed iwieġeb li mhuwiex ħati li seraq il-fidda għad-dannu ta' Anthony Attard, li kien se jagħmel il-wirja tal-fidda. Galli tressaq fil-Qorti mixli li naqas li jonora l-kundizzjonijiet impost fuqu mill-Qorti.
Bil-ħniena huwa qal lill-Maġistrat, “Jiena raġel marid ħafna” hekk kif f'idejh kellu għadd ta' karti li kienu jinkludi ċertifikati tat-tobba u dokumenti tal-isptar Mater Dei. Meta Galli għadda dawn id-dokumenti lill-Qorti, kien hemm minnhom li kienu jmorru lura sa April tal-2011, iżda kien hemm oħrajn aktar riċenti, fosthom ta' Novembru li għadda.
Għall-ewwel il-Maġistrat Carol Peralta, donnu ma emminx lil Galli, iżda wara spjegazzjoni min-naħa tiegħu kemmxejn emmozzjonali, u mistoqsija tal-Qorti għaliex ma ċempilx l-Għassa tal-Pulizija biex jgħidilhom li kien marid, Galli qal “M'għandhiex telefon id-dar u lanqas għandi mobajl.”
Qabel ma Galli ħalla l-awla, l-Maġistrat Peralta qallu, “bniedem avżat nofsu armat, u mhinix qed niċċajta, jekk terġa' ma tmurx tiffirma, se titlef il-libertà li qed tgawdi”. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Saviour Baldacchino filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Joe Ellis deher għal Galli.
|