Ray ABDILLA
30 ta' Lulju, 2010
16:34 CET |
L-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza mogħtija aktar kmieni dan ix-xahar fil-konfront ta' Pierre Bartolo fejn dan ma nstabx ħati li fl-aħħar elezzjoni ġenerali ipprova jinfluwenza l-mod kif kellhom jivvutaw żewġ impjegati tiegħu, Anthony Zammit u Kristylee Bezzina.
Il-Maġistrat Audrey Demicoli li quddiemha kien instema' l-każ kienet qalet li ma kien hemm l-ebda provi li juri li saru xi prattiċi korrotti qabel l-aħħar elezzjoni u għalhekk waqqgħet il-każ li kien instigat mid-Deputat Mexxej Laburista Anġlu Farruġia.
Fl-appell tiegħu, l-Avukat Ġenerali qiegħed isostni li l-Qorti tal-Maġistrati għamlet żball meta ma ppermettitx lill-prosekuzzjoni tikkonfronta lil Bezzina bi stqarrija li kienet għamlet qabel. Fix-xiehda fil-qorti Bezzina qalet li kienet ivvotat kif riedet hi.
Il-każ kien qam fit-3 ta' Mejju 2008 meta l-Avukat Farruġia għadda rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija fejn fih qal li Anthony Zammit għamel dikjarazzjoni miegħu fejn qal li ġie mhedded minn Bartolo, l-imgħallem tiegħu, sabiex fl-elezzjoni ġenerali tat-8 ta' Marzu 2008 jivvota lill-PN u jekk ma jagħmilx hekk kien se jitkeċċa.
Zammit kien allega li Bartolo talab lil çertu Edwin Cioffi biex jieħdu jivvota u dan tal-aħħar ta lil Zammit it-telefon ċellulari tal-mara tiegħu biex jieħdu ritratt bħala prova li kien ivvota lill-PN.
Skond id-Deputat Mexxej Laburista, Bartolo wkoll allegatament ipprova jinfluwenzaha lil Bezzina kif tivvota. Fil-15 ta' Jannar 2009 Bartolo tressaq mill-Ispetturi Anthony Portelli u Daniel Zammit li hedded jew beżża liż-żewġ impjegati tiegħu biex jivvotaw b'ċertu mod.
|