11 ta' Jannar, 2013
16:29 CET |
Il-Ministeru għal Għawdex fi stqarrija kkundanna atti vandali li saru fl-aħħar ġimgħat fl-inħawi magħrufa bħala Ta' Lambert fil-limiti tax-Xewkija u f'dawk ta' It-Taksis fil-limiti tal-Qala. Dawn l-atti vandali rriżultaw f'serq jew qirda ta' 39 siġra, ftit ġimgħat biss wara li ġew imħawla.
Dawn kienu jinkludu 18-il siġra tal-ħarrub, 9 tal-għargħar, ħamsa tal-ballut, waħda tar-rand, tnejn tad-deru, tlieta taż-żebbuġ u siġra ta' Ġuda.
Dawn is-siġar li huma stmati li jiswew 800 ewro, kienu ġew imħawla fl-ewwel ġimgħa ta' Novembru tal-2012.
Sadanittant f'dawn l-aħħar jiem mis-sit f'Ta' Lambert ġiet misruqa wkoll billboard li kienet tinkludi informazzjoni dwar dan il-proġett li huwa parzjalment ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministeru għal Għawdex qal li se jieħu l-passi neċessarji biex il-ħsara tiġi rikoverata.
|