26 ta' Lulju, 2010
10:10 CET |
Nhar il-Ġimgħa ġiet fi tmiemha l-ħames edizzjoni tal-'Malta Arts Festival', li kien organizzat mill-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti. Mifrux fuq xahar, dan il-Festival kien jinkludi 17-il attivita', u ħadu sehem aktar minn 250 artist, fil-parti l-kbira tagħhom Maltin.
Tul dawn it-tliet ġimgħat il-pubbliku seta' jgawdi minn diversi attivitajiet fosthom preżentazzjonijiet viżivi, teatru, mużika, drama, poeżija u mużika tradizzjonali. Il-ftuħ ta' dan il-festival sar b'kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta' Malta taħt id-direttur Wayne Marshall.
Fost l-attrazzjonijiet prinċipali ta' din is-sena, ittellgħu żewġ kunċerti mill-Orkestra Barokka tal-UE, li daqqet għall-ewwel darba f'Malta, u li fakkret siltiet Maltin, xogħol ta' Mikelang Vella li jmorru lura għas-seklu tmintax. Tfakkar ukoll il-200 anniversarju mit-twelid tal-kompozituri Schumann u Chopin fil-Berga ta' Kastilja u ttellgħu zewg kuncerti tal-kompozitur Russu Stravinsky, fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.
Attrazzjonijiet oħra kienu il-korjografija mingħajr mużika minn kumpanija Franċiża, teatru minn grupp Taljan, minn Shakespeare's Globe Touring Company, minn Theatre Anon u l-inizjattiva ġdida b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija abbord xini t'aktar minn 100 sena. Diversi artisti trasformaw temporanjament spazji fi Strada Stretta, u ma naqasx għal darb'ohra 'Strada', b'festival ta' inbid u arti fl-istess triq msemmija.
Ħadu sehem ukoll il-grupp mużikali 'The New Choral Singers' mmexxi minn Robert Calleja, li taw serata divertenti fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta għal dawk kollha li attendew.
Din iċ-ċelebrazzjoni ta' arti u kultura għalqet bil-kummiedja ta' Shakespeare, 'Midsummer Nigħts Dream' ġewwa l-ġonna tal-Argotti, il-Furjana.
|