Amy BORG
5 ta' Jannar, 2013
18:56 CET |
Ir-restawr tal-wirt storiku f'pajjiżna hu importanti għaliex hu parti mill-identità tagħna bħala poplu. Matul dawn l-aħħar snin sar ħafna xogħol fuq wirt storiku bħar-restawr tas- swar tal-Belt u issa anke dak taċ-Ċittadella f'Għawdex - restawr li qed isir b'investment ta' sitt miljun ewro u li 85% minnhom huma fondi tal-UE.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi flimkien mal-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali George Pullicino u l-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono żaru x-xogħlijiet li qed isiru fuq id-dawra ta' barra tas-swar taċ-Ċittadella li kienu jinsabu fi stat ħażin ħafna peress li kienu esposti għall-elementi tan-natura għal sekli sħaħ.
F'kummenti li ta lil dan s-sit meta s-Sibt waranofsinhar żar il-gżira Għawdxija, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi tkellem dwar l-importanza tar-restawr ta' dan il-wirt storiku. Ħadna wkoll il-kummenti tal-Ministru George Pullicino li spjega fid-dettall ix-xogħol tekniku li qed isir fuq dan il-bini. Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono tkellmet dwar ir-restawr ta' dan il-wirt storiku tant importanti għal gżira Għawdxija u kif dan se jaffettwa l-gżira Għawdxija mill aspett turistiku.
|