Fl-aħħar ħames snin il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern naqqas it-taxxi fosthom l-Income Tax għal kulħadd, inkluż għan-negozji u s-self employed u għan-nisa li jirritornaw fid-dinja tax-xogħol, u ħoloq 20,000 post tax-xogħol ġdid. Illum f'Malta u Għawdex għandna l-akbar numru ta' nies jaħdmu full time li jlaħħqu aktar minn 152,000. Għalhekk fil-ħames snin li ġejjin Partit Nazzjinalista fil-Gvern se jkompli jnaqqas it-taxxi u joħloq aktar xogħol.
Il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista, Lawrence Gonzi qal dan meta żar is-suq tal-Mosta bħala parti mill-attivitajiet tal-kampanja elettorali Qalb is-Suq. Il-Prim Ministru li kien akkumpanjat mill-Viċi Kap Simon Busuttil u mill-kandidati l-oħra tal-11-il Distrett Elettorali, ingħata merħba mill-isbaħ mill-bejjiegħa tal-monti kif ukoll min-numru kbir ta' nies li kienu qed jixtru.
Lawrence Gonzi qal li is-swieq huma importanti biex ikomplu jiġġeneraw l-attivita` ekonomika f'pajjiżna u fihom jaħdmu ħafna negozji żgħar u self employed u joħoloq ix-xogħol u jiġġeneraw il-ġid b'hekk jibqa' aktar flus fil-but tan-nies. In-negozji żgħar u s-self employed qed jiffrankaw sa 25,000 meta jinvestu aktar u jimpjegaw lin-nies u l-għan tal-PN fil-Gvern hu li jkompli jpoġġi aktar flus fil-but tas-self employed.
Il-Prim Ministru fakkar li l-Gvern introduċa il-kompjutazzjoni ġenitur biex ġenituri li jaħdmu it-tnejn jiffrankaw aktar Income Tax. Hu qal li l-ħaddiema Maltin huma l-inqas ħaddiema li jħallsu Income Tax fost il-pajjiżi kollha tal-UE.
Hu spjega li l-istrateġija ekonomika tal-Gvern hi li jkompli joħloq ix-xogħol li jiġġenera l-ġid u d-dħul għal Gvern u b'hekk ikunu jistgħu isiru proġetti u investimenti li joħolqu aktar xogħol, isir aktar investiment fis-saħħa u fl-edukazzjoni. Dan jista' jsir biss jekk fil-pajjiż jibqa' jkollna finanzi fis-sod li ma jiġux bil-wegħdiet fierħa tal-Labour - fosthom dwar l-enerġija li se jwasslu biex il-kontijiet jogħlew - imma billi pajjiżna jkun kompetittiv.
Il-Prim Ministru qal li għalkemm il-Gvern naqqas it-taxxi, żied id-dħul tiegħu minħabba li kibret l-attivita` ekonomika f'pajjiżna.