Ray ABDILLA
10 ta' Jannar, 2013
11:14 CET |
Il-ġuri li qed jinstema’ bil-magħluq ta' raġel akkużat bi stupru ta' tfajla ta' 13-il sena u li kkorrompa lill-istess tfajla,u li kkorrompa wkoll żewż tfajliet oħrajn u li bl-aġir tiegħu offenda l-mistħija tas-sess tagħhom riesaq lejn tmiemu.
Fir-raba’ jum id-difiża bdiet il-każ tagħha u aktar tard mal-jum kien hemm ir-replika minn naħa tal-Prosekuzzjoni. Tard wara nofs inhar id-difiża mistennija tagħmel il-kontro-replika fejn mistennija wkoll jittellgħu xi xhieda tal-istess difiża.
Minbarra li l-provi fil-ġuri qegħdin jinstemgħu bil-magħluq, il-Qorti ordnat ukoll lill-mezzi tax-xandir biex la jissemmew ismijiet ta' dawk ikkonċernati u lanqas tissemma l-lokalità li ġej minnha l-akkużat u l-vittmi, u lanqas fejn seħħew l-allegati reati.
Ir-raġel, li huwa mill-Kottonera, għandu jidher għalih l-Avukat Leslie Cuschieri, u huwa minn dejjem ċaħad l-involviment tiegħu fil-każ. Kienu l-Avukati tal-Prosekuzzjoni mill-Uffiċċju tal-Avukat :enerali li talbu biex l-ġuri jinstema' bil-magħluq.
L-Avukati Aaron Bugeja u Beryl Buttigieg kellhom din it-talba milqugħa mill-Qorti. Fost ix-xhieda kien hemm l-investigaturi tal-każ, l-Ispetturi Louise Calleja u Paul Vassallo.
|