Ingrid FENECH
30 ta' Lulju, 2010
18:51 CET |
Is-settur tal-assigurazzjoni qed ikompli jikber, b'aktar kumpaniji barranin li jamministraw tipi differenti ta' assigurazzjoni jinvestu f'Malta tant li bħalissa f'pajjiżna hawn 41 kumpanija internazzjonali joffru dawn is-servizzi, tliet darbiet aktar min-numru ta' kumpaniji li kien hawn fl-2008.
Dan joħroġ mill-istħarriġ annwali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Insurance Management, li juri wkoll kif dawn il-kumpaniji bejniethom għandhom assi ta' aktar minn biljun ewro li ħafna minnhom jinsabu f'banek Maltin jew investiti lokalment.
Dan ħabbru c-Chairman ta' din l-Assoċjazzjoni Evander Borg waqt konferenza li matulha tħabbru r-riżultati ta' dan l-istħarriġ. Hu spjega kif dawn ir-riżultati jindikaw prospetti sbieħ għal pajjiżna.
Evander Borg qal li dawn il-kumpaniji mmexxija minn operaturi barranin iħaddmu aktar minn mitt persuna professjonali jew teknika imħarrġa f'dan is-settur. Barra minn hekk, bil-liġi dawn il-kumpaniji obbligati li jlaqqgħu d-diretturi tagħhom f'Malta, u dan, is-sena l-oħra, ssarraf f'aktar minn 1,300 lejl fil-lukandi Maltin.
Preżenti wkoll għal din il-konferenza li saret fil-Borża ta' Malta, kien hemm il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment Tonio Fenech, li fl-indirizz tiegħu qal li s-settur finanzjarju Malti qed jissaħħaħ u jsir aktar kompetittiv. Dan juri l-effetti pożittivi li qed iħallu aktar minn 55 ftehim ta' ħelsien mit-tassazzjoni doppja li għandha Malta kif ukoll in-numru kbir ta' ħaddiema professjonisti f'dan is-settur.
Waqt din il-konferenza, ic-Chairman ta' Finance Malta Kenneth Farrugia qal li s-settur tas-servizzi finanzjarji f'din l-aħħar sena kiber bi 22 fil-mija u dan jindika l-fiduċja fl-ekonomija ta' pajjiżna, li f'dawn l-aħħar snin qed tattira numru ta' kumpaniji barranin biex jiġu f'pajjiżna. Finance Malta hija entita' bejn il-gvern u l-privat li taħdem biex tippromwovi l-qasam tas-settur finanzjarju lokali barra minn xtutna.
|