28 ta' Diċembru, 2012
12:57 CET |
Skont statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, id-defiċit tal-Gvern huwa ta' €342 miljun fl-ewwel 11-il xahar ta' din is-sena.
Fl-ewwel 11-il xahar tas-sena ta' qabel id-defiċit kien ta' €278.2 miljun. Dan ifisser li d-defiċit żdied b'€64 miljun.
Il-kawża ta' żieda fid-defiċit rriżulta minn żieda fin-nefqa totali li kienet ta' €195.8 miljun, li qabżet it-tkabbir mid-dhul li kien ta' €132 miljun.
L-ikbar ammont tad-dħul tal-Gvern Ċentrali kien mill-Income Tax b'€ 98 miljun. Filwaqt li l-ispiża kibret minħabba diversi Programmi u Inizjattivi, b'żieda sostanzjali fil-benefiċċji tas-sigurta' soċjali u fix-xiri ta' mediċini u materjal kirurġiku.
Bejn Jannar u Novembru 2012, id-dħul rikkorenti kien ta' €2,366 miljun, żieda ta' 5.9% fuq is-sena ta' qabel. Meta mqabbel mal-2011 l-ispiża totali żdiedet b'7.8% għal €2,708.1 miljun.
Fl-aħħar ta' Novembru, id-dejn tal-gvern kien ta' €4,756.6 miljun, żieda ta' €200.9 miljun fuq is-sena ta' qabel.
|