Charles MUSCAT, Robert CREMONA
13 ta' Jannar, 2013
10:37 CET |
Il-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista jinkludi numru kbir ta' proposti u inizjattivi konkreti biex noħolqu aktar xogħol għal Għawdxin f'Għawdex stess. Is-soluzzjoni għal Għawdex hi li nattiraw aktar Maltin u turisti lejn Għawdex. Għalhekk il-proposti tal-PN jinkludu pjan għat-turiżmu f'Għawdex, hemm ukoll proposti konkreti favur in-negozji ż-żgħar li jiftħu f'Għawdex u jimpjegaw in-nies u li jitwaqqaf Kunsill Reġjonali f'Għawdex li jkun responsabbli jissorvelja t-twettiq tal-politika tal-Gvern f'Għawdex u li jkun ikkonsultati b'mod obbligatorju dwar l-istess politika.
Il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi qal dan waqt diskussjoni 'Qalb in-Nies' fin-Nadur li fiha ħadu sehem ukoll il-Viċi Kap tal-PN, Simon Busuttil, is-Segretarju Ġenerali, Paul Borg Olivier u kandidati tal-PN għal elezzjoni ġenerali tad-9 ta' Marzu fuq it-13-il Distrett.
Il-Prim Ministru u s-Sinjura Kate Gonzi ingħataw merħba mill-isbaħ mill-folla kbira preżenti partikolarment ħafna u ħafna Għawdxin.
Fil-ftuħ tad-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-Partit Nazzjonalista hu l-Partit ta' Għawdex u l-proġetti kollha li saru f'Għawdex saru minn gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista. Hu qal li issa irridu nħarsu 'il quddiem u naraw x'inhumal-opportunitajiet biex nħolqu aktar xogħol għal Għawdxin f'Għawdex. Għawdex għandu sfidi partikulari għax hu gżira maqtugħa minn Malta u għalhekk il-PN ħareġ bi proposti konkreti biex jinħoloq aktar xogħol f'Għawdex.
Lawrence Gonzi qal li l-Pjan għat-Turiżmu f'Għawdex hu maħsub biex jiffaċilita` t-turiżmu f'Għawdex, biex it-turiżmu jikber u jissaħħaħ matul is-sena kollha. Għalhekk il-PN qed jipproponi li fl-ewwel sitt xhur tal-leġislatura li jmiss, il-Gvern japprova dan il-Pjan li jkun jinkludi inċentivi lis-settur tal-cruise liners biex passiġġieri li jaslu Malta jżuru Għawdex. Se jingħataw ukoll inċentivi għas-servizz ta' trasport bejn il-Port il-Kbir u Għawdex biex jiffaċilita lil eluf ta' turisti tal-cruise liners minn fost aktar minn nofs miljun turist, iżuru Għawdex.
Il-Gvern se jaħdem mas-settur privat biex jinfetħu aktar lukandi 5 Start f'Għawdex li jkollhom faċilitajiet biex jattiraw is-suq tal-konferenzi u inċentivi u b'hekk jipprovdu impjiegi ġodda f'Għawdex u għal dan il-għan il-Gvern jimpenja ruħu li l-roċeduri meħtieġa, inkluż applikazzjonijiet tal-MEPA jkunu faċilitati bla ma jinkisru ebda regolamenti.
Il-Prim Ministru qal li l-PN fil-Gvern jintroduċi skemi vantaġġjużi biex kemm il-lukandi 3 u 4 Star joffru servizzi aħjar u għalhekk se joffri skema ta' inċentivi tal-valur ta' €300,000 bil-ħsieb li dan l-iżvilupp iżid l-impjiegi f'dan is-settur.
Għawdex hu magħruf ukoll għat-turiżmu tal-farmhouses u għalhekk se ssir skema ta' €300,000 biex isir modernizzar ta' dan is-settur u jitneħħew il-ħlasijiet amministrattivi. Il-Prim Ministru qal li jsaħħaħ il-politika ta' Eco Għawdex billi jinċentiva l-attivitajiet kulturali bħalma huma l-Karnival tan-Nadur, jgħin liż-żewġ teatri tal-opra jorganizzaw aktar attivitajiet kif ukoll jinċentiva lit-turiżmu reliġjuż u ta' divertiment li jattiraw aktar nies lejn Għawdex. Gvern ġdid immexxi mill-PN jagħmel programm ta' tindif u manutenzjoni kontinwa tal-widien u tar-raba' f'Għawdex liema inizjattiva timpjega 100 ħaddiem. Maltin u turisti li jqattgħu mill-inqas lejl wieħed f'Għawdex iħallsu tariffa imraħħsa tal-Gozo Channel.
Inċentivi biex jinfetħu aktar negozji f'Għawdex jinkludu eżenzjoni mit-Income Tax sa massimu ta' €200,000 fuq medda ta' tliet snin lil kull negozju ġdid li jiftaħ f'Għawdex f'kull qasam u li jħaddem mill-inqas tnejn min-nies f'Għawdex. Se jkun hemm roħs drastiku fuq kull liċenzja li titħallas rigward negozju li jaħdem f'Għawdex jew minn Għawdex billi ssir l-ekwivalenti għal 10 fil-mija ta' dik li titħallas f'Malta.
Il-Prim Ministru qal li proposta oħra konkreta hi li Għawdex ikun rikonoxxut bil-liġi bħala gżira reġjun. Għalhekk il-Kumitat Reġjonali eżistenti jinbidel f'Kunsill Reġjonali li jitwaqqaf b'liġi apposta u li jkun responsabbli li jkun responsabbli jissorvelja t-twettiq tal-politika tal-Gvern f'Għawdex u li jkun ikkonsultati b'mod obbligatorju dwar l-istess politika. Il-Kunsill ikun fih id-Deputati Għawdxin, is-Sindki u l-Kunsillieri u anke rappreżentanti ta' NGO's.
Lawrence Gonzi qal li l-aċċessibbilta` bejn Malta u Għawdex hi kruċjali u għalhekk fil-jiem li għaddew ħareġ it-tender biex jitqabbdu konsulenti barranin biex jagħtu pariri lil Gvern dwar l-għażliet kollha li jistgħu jiffaċilitaw l-aċċessibbilta, dawn jinkludi l-proposta li ssir mina bejn Malta u Għawdex jew li jsir pont. Jekk il-mina tkun vijabbli, Gvern ġdid Nazzjonalista dan il-proġett iwettqu.
Il-Prim Ministru irrefera wkoll għal proposta tal-Partit Lasburista dwar l-enerġija u qal li fl-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali ħarġet id-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista. Hu qal li l-proposta tal-Labour dwar l-enerġija tipperikola l-futur ta' pajjiżna u l-postijiet tax-xogħol. Il-Prim Ministru qal li l-poplu Malti mhux se jħalli lil Labour jilgħab bil-futur ta' pajjiżna u ta' uliedna. Fakkar li l-Partit Laburista ħa żball ta' €200 miljun fuq proposta li qalu li kellha tiġi tiswa €350 miljun għax fil-kalkoli tagħhom ħallew diversi affarijiet barra u għalhekk ir-riżultat joħroġ ħażin.
Lawrence Gonzi qal li bil-proposta tal-Lbaout il-kontijiet se jiżdiedu u jistgħu anke jgħalqu fabbriki u lukandi u jintilfu l-postijiet tax-xogħol. Hu qal li mhux possibbli li tinbena power station fi żmien sentejn kif qed jgħid il-Labour. Fakkar ukoll li l-PN issa skopra li l-konsulenti imħallsin mill-Partit Laburista tawhom parir li l-aħjar soluzzjoni hi l-proposta li qed jagħti l-PN, jiġifieri li jsir il-pipeline tal-gass ma Sqallija.
Il-Prim Ministru staqsa għala l-Labour ma tax każ din il-proposta u jrid jibni power station oħra u li l-gass jitwassal Malta bil-vapuri. Hu wissa li b'dawn il-proposti il-Partit Laburista qed jipperikola l-futur fis-sod ta' pajjiżna u tal-poplu Malti u se jdaħħalna f'ħajt għax il-ħaddeima jitilfu x-xogħol u pajjiżna jidħol f'inkwiet kbir.
Lawrence Gonzi qal li fil-ġimgħat li ġejjin sad-9 ta' Marzu irridu nkomplu nispjegaw bil-kalma l-proposti konkreti tal-PN għal ħames snin li ġejjin u li se jkomplu jiżdiedu fil-ġimgħat li ġejjin. Min-naħa l-oħra l-unika proposta tal-Partit Laburista dwar l-enerġija qed titkisser biċċa, biċċa. Hu appella biex kulħadd jiżen dak li qed jgħidu ż-żewġ partiti politiċi. Hu qal li l-PN qed jitkellem mill-esperjenza li wara ħames snin qed irodd lura lil poplu pajjiż b'saħħtu u li kiseb ir-riżultati li kienu mfaħħra mhux biss mill-Unjoni Ewropea imma wkoll mill-Kanċillier Angela Merkel li tmexxi l-Ġermanja, l-akbar pajjiż u l-aktar pajjiż b'saħħtu ekonomikament fl-UE.
Il-Prim Ministru qal li l-PN se jkompli jfiehem lil poplu Maltin u Għawdxi biex imbagħad meta jasal id-9 ta' Marzu l-poplu jagħmel l-aħjar għażla għal futur fis-sod ta' pajjiżna u l-aħjar għażla hi l-Partit Nazzjonalista.
Ritratti: Lorne Cremona
Filmat: Robert Cremona
|