Charles MUSCAT
21 ta' Diċembru, 2012
14:46 CET |
L-Amministrazzjoni u l-istaff Tekniku u Industrijali tal-Università ta' Malta se jibdew igawdu minn titjib fil-pagi u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol wara li kien iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid bejn l-Università u l-UĦM. Hu kalkulat li ż-żieda fil-pagi se tlaħħaq medja ta' €500 fis-sena.
Il-ftehim kollettiv kien iffirmat fil-preżenza ta' Dolores Cristina, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, tar-Rettur tal-Università Juanito Camilleri u s-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella flimkien ma uffiċjali oħra tal-Università u tal-Union.
Il-Ministru Dolores Cristina qalet li dan kien it-tieni ftehim kollettiv li kien iffirmat fi ftit jiem wara dak tal-ITS. Bħalissa fil-qasam tal-edukazzjoni qed ikunu negozjati tmien ftehim kollettiv oħra. Hi faħħret lil UĦM li dejjem kapaċi tasal għal kompromess bla ma tonqos mill-obbligi tagħha lejn il-ħaddiema li tirrappreżenta.
Hi qalet li l-ftehim kollettiv jinkludi titjib fis-salarji u fl-allowances kif ukoll aktar miżuri favur il-familja, aktar flessibbilta` u kunċetti ġodda bħalma huma dak kontra l-bullying. Il-ħaddiema se jkollhom l-opportunità li jkomplu jieħdu t-taħriġ u jtejbu l-ħiliet tagħhom.
Il-Ministru Dolores Cristina fakkret li hi ressqet emenda fil-Parlament dwar il-Liġi tal-Edukazzjoni li tħares lejn l-awtorità u l-indipendenza tal-Università biex tkun tista' tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi tagħha. Dan biex issir Università tat-Tielet Ġenerazzjoni li tagħti l-aqwa servizzi.
Josef Vella faħħar in-negozjati bejn il-UĦM u l-Università li wasslu għal ftehim kollettiv ġdid li jħares l-interessi tal-post tax-xogħol u anke lejn it-titjib tal-pagi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Hu qal li l-UĦM dejjem lesta tiddiskuti madwar il-mejda għax id-dinamika fil-postijiet tax-xogħol qed kontinwament tinbidel.
Ir-Rettur tal-Università Juanito Camilleri faħħar il-ftehim kollettiv u qal li l-Università trid tgħaddi minn fażi oħra ta' żvilupp u trid tibda tiddiskuti prattiċi ġodda tax-xogħol u oqsma oħra.
|