Robert CREMONA
30 ta' Lulju, 2010
12:37 CET |
Malta mhux biss hi fost il-pajjiżi bl-inqas rata ta' qgħad fl-Unjoni Ewropea iżda fl-aħħar sena kellha t-tieni l-akbar tnaqqis fin-numru ta' nies jirreġistraw għax-xogħol. Dan kien ikkonfermat minn ċifri ppubblikati mill-Aġenzija Ewropea tal-istatistika, il-EUROSTAT. Dawn iċ-ċifri juru li l-qgħad f'Malta jinsab fil-livell ta' 6.5% - ir-reba' l-inqas rata fost is-27 pajjiż membru tal-UE.
Matul l-aħħar sena Malta kellha tnaqqis ta' 0.7% fin-numru ta' nies jirreġistraw għax-xogħol. L-uniku pajjiż li kellu tnaqqis akbar minn Malta kien l-Awstrija.
L-għola rata ta' qgħad tinsab fl-Estonja, il-Latvja u Spanja. Fil-fatt, l-Estonja u l-Latvja kellhom l-għola żidiet fil-qgħad.
Min-naha l-oħra, l-inqas livell ta' qgħad jinsab fl-Awstrija, l-Olanda u l-Lussemburgu.
Minn dawn iċ-ċifri joħorġu aktar punti interessanti. Meta tqabbel lill-Malta mal-pajjiżi taż-żona ewro u mal-bqija tal-pajjiżi membri, wieħed jinnota differenza ċara - filwaqt li fiż-żona ewro u fil-grupp ta' 27 kien hemm żieda fil-qgħad, f'Malta in-nies ifittxu x-xogħol naqsu. Dan jgħodd ukoll meta wieħed iħares lejn l-istatistika u jqabbilha xahar b'xahar. Minn Mejju għal Ġunju f'pajjiżna l-qgħad naqas b'0.2%, filwaqt li fil-bqija tal-Ewropa baqa' l-istess.
Sadatant, statistika separata, din id-darba maħruġa mill-NSO, turi li l-iżbilanċ tal-pajjiż naqas b'madwar 50 miljun ewro fl-ewwel sitt xhur tas-sena. Bejn Jannar u Ġunju d-dħul tal-Gvern żdied bi 88 miljun u nofs ewro, filwaqt li n-nefqa żdiedet bi 38 miljun. Dan wassal għal tnaqqis ta' 14.7% fil-iżbilanċ. Iż-żieda fin-nefqa kienet fil-maġġorparti tagħha riżultat ta' proġetti kapitali li qed jaħdem fuqhom il-Gvern filwaqt li kien hemm żieda fin-nefqa għall-benefiċċji soċjali.
|