Josianne CAMILLERI
30 ta' Lulju, 2010
17:42 CET |
Aktar minn tmintax-il elf ettaru ta' ambjent marittimu tal-Gżejjer Maltin ġie ddikjarat bħala żona protetta mill-Awtorita' dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
L-erba' siti fil-baħar jin0kludu medda kbira tul il-Grigal ta' Malta u tliet żoni iżgħar bejn Għar Lapsi u Filfla, f'Imġarr ix-Xini u d-Dwejra f'Għawdex. Dawn iż-żoni qed jiġu preservati biex tiġi mħarsa is-sbuħija tal-ambjent naturali ta' taħt l-ilma. Fil-fatt dawn is-siti ġew identifikati minħabba li fihom 80 fil-mija tal-mergħat tal-Alka fl-ibħra Maltin.
Id-dettalji ingħataw minn uffiċjali tal-MEPA u mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Awtorita' Mario de Marco.
Christopher Cousin, Uffiċjal għall-Protezzjoni Ambjentali spjega li l-mergħat tal-Alka huma ambjent naturali ta' prijorita' li jingħata importanza speċjali mill-Unjoni Ewropea, għaliex jinsab f'periklu li jispiċċa. Dan l-ambjent jipprovdi ikel u kenn għal numru ta' speċi tal-baħar, jiġbed il-karbonju fil-baħar, u jipproteġi x-xtajtiet mit-tnaqqis fir-ramel. Fortunatament il-mergħat tal-Alka magħżula jinsabu fi stat tajjeb ta' konservazzjoni, jikbru b'saħħithom u fil-fond u jkopru ż-żona kontinwa.
Id-Direttur għall-Protezzjoni Ambjentali, Martin Seychell qal li 95% tat-territorju Malti hu magħmul mill-baħar u għalhekk hu xieraq li jitħares dan l-ambjent u jintuża b'mod sostenibbli. Huwa qal li l-attivita' umana fl-inħawi protetti tista' tkompli issir b'rispett għall-ambjent naturali taż-żoni protetti. Fil-fatt dawk li jiddependu miż-żoni protetti se jgawdu minn fondi tal-UE biex l-attivita' tagħhom issir iktar sostenibbli.
Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco qal li sa nofs is-sena d-dieħla id-Direttorat għall-Protezzjoni Ambjentali fi ħdan il-MEPA se jsaħħaħ il-ħidma tiegħu billi jżid l-impjegati għal 45 ruh. Mario De Marco qal li s-siti marittimi protetti huma importanti mhux biss biex jiġu protetti l-ispeċi iżda wkoll biex iktar turisti jitħajru jżuru Malta għad-diving, passatemp li kull sena jiġbed bejn is-sittin u s-sebgħin elf turist.
|