13 ta' Jannar, 2013
19:44 CET |
Il-Pulizija fl-Indja arrestaw sitt irġiel fuq allegazzjonijiet li dawn wettqu stupru tal-massa fuq mara u li seħħ waqt vjaġġ b'xarabank – bil-każ partikulari jseħħ ġimgħat biss wara attakk simili, li ħalla lill-pajjiż ixxukkjat.
L-aħħar assalt jingħad li seħħ fl-Istat ta' Punjab, lejn it-Tramuntana, u fejn hu magħruf li l-Pulizija (anki) qed tfittex 'lis-seba' aggressur'.
Il-Pulizija qalet li l-'l-aħħar vittma' hi mara ta' 29 sena li fil-lejl tal-Ġimgħa kienet qed tivvjaġġa lura d-dar bix-xarabank – hi qed tallega li x-xufier u l-kunduttur ma ridux iwaqqfuha fid-destinazzjoni li talbet.
Jingħad li dawn, minflok, ħaduha f'lokalità mwarrba, mhux 'il bogħod mill-belt ta' Amritsar, fejn imbagħad 'issieħbu' ma' ħamsa oħra biex għaddew lill-mara 'minn kalvarju ta' stupru' tul il-lejl kollu.
Wara dan l-aġir ripetut, hu mifhum li l-irġiel wasslu lill-vittma fil-villaġġ fejn toqgħod u fejn setgħet tirrakkonta lill-qraba dwar dak kollu li kienet għaddiet minnu.
Proprju x-xahar li għadda, studenta ta' 23 sena li spiċċat vittma ta' stupru tal-massa fi New Delhi, mietet b'kaġun tal-ġrieħi li ġarrbet waqt l-attakk – u meta ħamest irġiel spiċċaw akkużati bl-omiċidju, fejn qegħdin jistennew biex jgħaddu ġuri.
Il-ħamsa fil-każ ta' New Delhi jistgħu jeħlu l-piena tal-mewt jekk jinstabu ħatja, u bl-attakk ta' Diċembru jqanqal il-protesti tal-massa madwar il-pajjiż, li fost oħrajn ġiegħlu lill-Gvern Indjan iwaqqaf il-qrati speċjali biex jittrattaw il-każi tal-istupru b'mod esklussiv.
|