MaltaRightNow.com sezzjoni: Mill-Parlament
aħbarijiet
Punti ewlenin 
Aħbarijiet Lokali
Internazzjonali
Arti, Divertiment u Kultura
Edukazzjoni
Ekonomija
Ewropa
= Features =
Avviżi ELCOM
Għawdex
Knisja
Kunsilli Lokali
Kurżitajiet
Librerija
Parlament
Qorti
Saħħa
Xjenza u Teknoloġija
sport
Olimpjadi 2012
Futbol Ieħor
Futbol Taljan
Futbol Lokali
Futbol Ingliż
Sport Ieħor
In-Nazzjon
Download
Life & Style
Download
Parlament

Approvat mekkaniżmu biex jindirizza d-dejn tal-Korporazzjoni Enemalta

Hermann MICALLEF
4 ta' Diċembru, 2012  22:03 CET

Illum ġiet approvata mozzjoni rigward it-twaqqif ta' Special Purpose Vehicle bħala parti minn proċess ta' ristrutturar biex jindirizza d-dejn tal-Korporazzjoni Enemalta.

Il-Ministru Tonio Fenech qal li r-riżoluzzjoni qed issir minħabba d-dejn li għandha l-Korporazzjoni Enemalta. Id-dejn qed jiġi ristrutturat b’mod biex ma joħloqx piż lill-Korporazzjoni u lill-pajjiż.

Il-Korporazzjoni ma għandhiex piż biss li tiġġenera u tipprovdi l-elettriku iżda anke li tara li l-ispiża ma tkunx ta’ piż fuq il-konsumatur. Il-Korporazjoni kienet qed tħares lejn investiment sostanzjali li jikkonsisti fl-estensjoni tal-power station ta’ Delimara u l-interconnector.
Dawn il-proġetti jitolbu l-miljuni li jridu minn x’imkien u għalhekk id-dejn li jsir ikun ird jitħallas. 

Għalhekk il-Gvern daħħal il-kunċett biex parti mill-kont ikun jinkludi parti mill-ispiża li trid titħallas. F’inqas minn 15-il sena, il-pajjiż irdoppja d-domanda tal-enerġija. Għalhekk kien mitlub investiment akbar.

F’Marzu 2009 sar eżerċizzju biex jieħu stampa tas-sitwazzjoni. Kien hemm €318 miljun dejn antik garantit mill-Gvern, €175 miljun dejn għall-estensjoni tal-power station, €200 miljun għall-proġett tal-interconnector u €142 miljun dejn akkumulat.

L-eżerċizzju sar biex dan id-dejn jitħallas f’perijodu ta’ 25 sena skont il-mekkaniżmu stabbilit. Il-Gvern ried jara li l-Korporazzjoni jkollha l-possibbiltà li tħallashom. It-tariffi ma kinux qed ikopru l-pjan biex id-dejn jitħallas lura.

Il-Ministru Fenech spjega li dan id-dejn qed jinbidel f’kirja. Il-Korporazzjoni se tbigħ l-assi tagħha lill-Fondazzjoni li se titwaqqaf bħala special purpose vehicle. It-titlu se jgħaddi għand il-kumpanija għall-perijodu ta’ 45 sena. Malli d-dejn jitħallas minn din l-entità, il-proprjetà terġa’ tgħaddi f’idejn il-Gvern. Saru diskussjonijiet mal-Eurostat biex ikun aċċertat li t-transazzjoni tiġi aċċettata.

Id-Deputat Laburista Karmenu Vella qal li l-Oppożizzjoni mhix se topponi l-mozzjoni iżda ma tridx tkun kompliċi fil-qagħda imwgħera li tinsab fiha l-Korporazzjoni Enemalta. L-arranġamenti li qed jittieħed huma dawk dwar is-sitwazzjoni tal-2009 u mhux jieħdu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp li seħħ minn dik is-sena. Dan ifisser li d-dejn tal-Korporazzjoni mhux se jkun ta’ €366 miljun kif qed isostni l-Ministru iżda ta’ €517-il miljun.

Karmenu Vella staqsa meta se tibda taħdem l-estensjoni tal-power station ta’ Delimara. Hu qal li d-dewmien qed ifisser spejjeż akbar għall-Korporazzjoni minbarra penali li jridu jitħallsu minħabba l-livell ta’ tniġġiż.

Id-Deputat Laburista qal li l-Korporazzjoni Enemalta ma tinsabx fi stat ħażin minħabba s-sitwazzjoni tal-prezz taż-żejt iżda wkoll minħabba deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu fit-tmexxija tal-Korporazzjoni, partikolarment bid-deċiżjoni li minn ġenerazzjoni permezz tal-gass, imur għall-użu taż-żejt.

Karmenu Vella qal li l-prezz taż-żejt, bħala problema tal-Korporazzjoni Enemalta, hi biss skuża. 

Id-Deputat Laburista Charles Mangion tkellem dwar is-sitwazzjoni finanzjarja u qal li l-Gvern qed jitkellem qisu daħal fit-tmexxija tal-pajjiż ilbieraħ u llum sab is-soluzzjoni. Hu sostna li s-sitwazzjoni tal-Enemalta turi l-falliment ta’ tmexxija tal-Gvern. Il-mekkaniżmu li qed jinħoloq hu biex il-ħlas tad-dejn ikun pospost.
 
Id-Deputat Laburista Joe Mizzi qal li l-Gvern ma jistax jakkuża lill-Oppożizzjoni li ma għamlitx xogħolha meta kontinwament talbet informazzjoni dwar il-kontijiet tal-Korporazzjoni kif ukoll insistiet li l-Gvern jippreżenta pjan dwar il-politika nazzjonali tal-enerġija. Hu żied li pajjiżna kien qed jirriskja li jispiċċa fid-dlam għaliex ma kienx qed iħejji ruħu biex jilħaq mad-domanda. Kien grazzi għall-għoli tat-tariffi li d-domanda ma żdiditx b’mod li jinħolqu aktar problemi ta’ domanda akbar mill-produzzjoni. Joe Mizzi qal li l-Gvern kellu jinforma lill-Kamra dwar is-sitwazzjoni tal-proġett tal-interconnector u jgħid f'hix wasal il-proġett u xi ftehim kellu l-Gvern dwar xiri ta’ enerġija minn pajjiżi oħra u xi prezzijiet kien qed jinnegozja.

Dwar l-estensjoni tal-power station, Joe Mizzi qal li għad hemm problemi u l-Gvern jidher li se jaċċettahom. Fid-diskors ta’ għeluq il-Ministru Tonio Fenech qal li kull investiment ta’ ċertu kobor ikun meħtieġ li jsir self għaliex inkella l-alternattiva tkun li titfa’ l-piż kollu fuq it-tariffi. Il-power station ta’ Delimara saret għaliex il-pajjiż kellu infrastruttura fqira ħafna u l-Gvern ried li jgħolli l-livell tal-pajjiż biex ikun kompetittiv.
 
Il-Ministru Fenech qal li l-ammont imsemmi tad-dejn, li se jinfeda, hu relatat mal-valur tal-proprjetà li qed tkun trasferita. Mhux realistiku l-argument tal-Oppożizzjoni li torbot kollox mal-prezz taż-żejt jew tal-gass. Hemm ukoll il-prezz tal-investiment sħiħ li wieħed irid jikkunsidra. Wieħed ma jridx iqis il-prezz tal-gass biss iżda jrid jara wkoll l-ispiża involuta biex tkun adottata din is-sistema. Jekk ma jkunx hemm għajnuna sostanzjali mill-UE biex isir dan il-proġett, allura l-ispiża taqa’ fuq it-tariffi u din tirrendi t-tariffi ogħla.
 
Il-Ministru Fenech qal li kieku l-Gvern ma ħax id-deċiżjonijiet diffiċli li ħa f’dan il-qasam, kieku pajjiżna kien jiġi fis-sitwazzjoni li sabu ruħhom fiha pajjiżi ġirien. Tonio Fenech qal li mhux minnu li l-Enemalta xtrat impjant li jfisser spiża akbar. Meta jibda jaħdem, dan l-impjant se jibda jiffranka lill-pajjiż €3miljun fix-xahar.  Il-Ministru Fenech qal li qed isiru l-aħħar testijiet u n-nuqqasijiet li qed jinstabu mhux jikkompromettu t-tħaddim. It-testijiet huma proprju biex ikunu individwati dawn in-nuqqasijiet u jitranġaw.

Ladarba jkunu analizzati r-rapporti li qed isiru minn kumpannija indipendenti ikun jista’ jsir il-performance test biex eventwalment, jekk kollox ikun skont il-livell rikjest fil-kuntratt, l-impjant ikun jista’ jibda jitħaddem. Sadanittant il-ħlas tal-penali tal-BWSC ma twaqqfux.

Il-Ministru qal li minn analiżi li qed jagħmlu l-MEPA u l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk jirriżulta li l-akbar ammont ta’ tniġġiż mhux ġej mill-power station iżda mit-traffiku.

Bookmark Print page Email page
Approvat mekkaniżmu biex jindirizza d-dejn tal-Korporazzjoni Enemalta
Aktar aħbarijiet f'din il-kategorija
Aktar ingaġġi minn barra ċ-Ċivil
Il-Gvern jaħfer €9 miljun lill-BWSC
Il-Gvern jerġa’ jirrifjuta li jagħti raġunijiet għal deċiżjonijiet li ħa
Jikkritika nuqqas ta' xogħol li kien responsabbli minnu stess
Il-Parlament isellem lil Lawrence Gonzi
Punti ewlenin
20:00 Il-Pulizija tikkonfiska munizzjon li nstab fuq dgħajsa
16:38 Sejħa għall-interess għal Casino f'Malta u ieħor f'Għawdex
18:25 Tifla ta' 14-il sena tittajjar minn karozza waqt li kienet qed taqsam it-triq
18:55 Il-Flamenco f'Misraħ San Ġorġ, il-Belt
iktar aħbarijiet
20:38 Il-Pulizija tlesti għal aktar irvellijiet
20:28 Il-Prim Ministru jibża’ mill-fatati
20:00 Il-Pulizija tikkonfiska munizzjon li nstab fuq dgħajsa
19:53 Il-Gvern Laburista jirkeb fuq inizjattivi li tnedew mill-Gvern Preċedenti
18:55 Il-Flamenco f'Misraħ San Ġorġ, il-Belt
18:25 Tifla ta' 14-il sena tittajjar minn karozza waqt li kienet qed taqsam it-triq
17:54 Xogħolijiet ta' TM iħallu residenti f'Ħaż-Żabbar diżappuntati
17:04 Leo Brincat ma jieħux pożizzjoni favur jew kontra l-eko-kontribuzzjoni
16:38 Sejħa għall-interess għal Casino f'Malta u ieħor f'Għawdex
16:29 ''Insaħħu d-Drittijiet għall-Ugwaljanza'' - seminar ko-finanzjat mill-UE
Editorjal

Gvern Laburista li mhux jitwemmen

Gvern Laburista li mhux jitwemmen
Opinjoni

Għalfejn taħseb li l-PN tilef l-elezzjoni? Iftaħ hawn biex tirrispondi.