4 ta' Jannar, 2013
15:10 CET |
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, b'kooperazzjoni mal-Ministeru għall-Għawdex, l-Air Malta u Vacations Malta, laqgħet f'Malta madwar 124 Branch Manager minn Ruefa Reisen bħala parti minn żjara ta' familjarizzazzjoni f'Malta u Għawdex.
Ruefa Reisen jifforma parti mill-Verkehrsburo Group li huwa wieħed mill-ikbar operaturi turistiċi fl-Awstrija u li jiġbor 'il fuq minn 120 fergħa madwar l-Awstrija kollha.
Matul iż-żjara tiegħu, il-grupp organizza l-konferenza annwali tiegħu dwar il-bejgħ li saret fil-gżira ta' Għawdex. Il-grupp kien immexxi minn membri tat-team tal-marketing ta' Ruefa u kienu akkumpanjati minn Corinna Ziegler mill-MTA tal-Awstrija u minn Michael Planicka f'isem l-Air Malta.
Din kienet l-ewwel darba li avveniment daqshekk kbir marbut mal-qasam tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu ttella' f'Ghawdex. Matul iż-żjara tagħhom f'Għawdex, il-parteċipanti tal-konferenza kellhom l-opportunità wkoll li jżuru numru ta' postijiet kulturali u ta' wirt storiku f'Għawdex u jduqu ikel tradizzjonali Malti. Il-grupp żar ukoll il-Belt Valletta u l-Imdina f'Malta.
Il-parteċipanti kellhom kliem ta' tifħir għal Malta u Għawdex u baqgħu impressjonati b'dak li jistgħu joffru l-gżejjer Maltin. Joe Galea, id-Direttur għall-Marketing Internazzjonali fl-MTA faħħar din l-inizzjattiva u qal li l-ħidma bejn l-operaturi turistiċi u l-aġenti tal-ivvjaġġar hija bżonjuża għall-promozzjoni tal-gżejjer Maltin bħala destinazzjoni turistika. Huwa rringrazzja wkoll lill-grupp Ruefa Reisen għall-fiduċja tagħhom f'Malta għall-organizzazzjoni ta' dan l-avveniment.
|