Jerome CARUANA CILIA
10 ta' Jannar, 2013
17:31 CET |
''Li ma kenitx għall-Provvidenza ta' Alla u għall-ġenerozità tal-Prim Ministru, din l-iskola kienet tagħlaq.'' Kliem l-Imam Mohammed El Sadi f'isem il-Komunità Iżlamika, waqt żjara tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi fl-iskola Mariam Al-Batool fejn kellu l-opportunità li jiltaqa' mal-għalliema u mat-tfal.
Il-Prim Ministru ħabbar li mhux biss se tingħata għajnuna ta' €300,000 lill-iskola, iżda s-self ta' €400,000 li l-Gvern kien ta lill-istess skola, se jiġu maħfura ladarba jgħaddi l-baġit.
Il-Prim Ministru qal li meta l-iskola kienet fi kriżi finanzjarja waqt il-ġlied fil-Libja u kienet f'xifer li tagħlaq, il-Gvern ma beżax joffri l-għajnuna tiegħu. Dan sabiex l-iskola tkun tista' tkompli tagħti kontribuzzjoni valida tagħha lis-soċjeta' Maltija.
Hu faħħar il-ħidma f'din l-iskola, li ddeskriviha bħala suċċess. Il-Gvern huwa kommess li jgħin lil din l-iskola li llum il-ġurnata għandha madwar 300 student u studenta u qed tagħti kontribut lis-soċjeta' Maltija.
Il-Prim Ministru fakkar kif waqt il-kriżi tal-Libja, il-Prim Ministru ma ddejjaqx jagħti self ta' €200,000 fl-2011 u €200,000 oħra fl-2012 għal total ta' €400,000. Hu sostna li quddiemu kien qed jara biss l-edukazzjoni tat-tfal ta' familji Maltin u Għawdxin u għaldaqstant jinsab kburi li l-Gvern għin lill-iskola Mariam Al-Batool meta din kienet fil-bżonn.
Il-Prim Ministru fakkar fl-għajnuna sħiħa li l-Gvern Malti offra lill-poplu Libjan tul ir-rivoluzzjoni b'diversi mezzi.
Lawrence Gonzi qal li l-gvern għandu stima għolja għall-komunità iżlamika f'Malta li żżid u tarrikkixxi l-poplu Malti.
L-Imam Mohammed El Sadi rringrazzja lil Gvern tal-għajnuna li dejjem ta lill-komunità Libjana u esprima wkoll ix-xewqa li din il-kooperazzjoni bejn il-Gvern Malti u l-komunità Iżlamika f'Malta tkompli tissaħħaħ. El Sadi faħħar lill-Prim Ministru u l-ħidma tiegħu favur valuri ta' solidarjeta' u ftehim reċiproku.
F'kummenti ma dan il-ġurnal, El Sadi qal li wieħed ma jistax jinsa l-għajnuna li l-gvern immexxi mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi dejjem ta lill-komunità Iżlamika f'Malta. Hu semma kif f'din l-iskola hemm bosta tfal li huma ġejjin minn żmien diffiċli għaliex kellhom jitilqu minn pajjiżhom u ħajjithom ikkollassat f'daqqa. El sadi sostna li ma jistax jinsa l-koperazzjoni tal-Gvern fil-kriżi tal-Libja fejn Lawrence Gonzi ħareġ għonqu sabiex jgħin lil bosta Libjani.
Il-Prim Ministru qal li din hi l-unika skola Musulmana fid-dinja li l-Kap tal-Iskola huwa Kattoliku. Għaldaqstant din l-iskola hi ta' mudell għal skejjel oħra, li turi l-importanza li wieħed jirrispetta lill-persuna bid-dinjità kollha tagħha.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll kif l-Istitut f'Ta' Giorni se jkun ikkonvertit f'Istitut għall-Edukazzjoni Għolja mill-gvern Libjan. Il-Gvern Malti huwa kommess li jikkopera f'dan il-proġett li se toffri aktar opportunità ta' taħriġ lill-komunità Libjana f'Malta. Dan juri kif l-edukazzjoni tat-tfal tagħna tressaqna aktar flimkien, temm jgħid il-Prim Ministru.
|