11 ta' Jannar, 2013
16:50 CET |
Statistika uffiċċjali tal-kumpanija Gozo Channel ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika lbieraħ, turi li fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet, il-passiġġieri li qasmu bejn Malta u Għawdex permezz tal-Gozo Channel żdiedu, l-istess kif żdiedu l-vetturi u t-trakkijiet tal-merkanzija. Bejn Ottubru u Diċembru kien hemm żieda ta' 1.6% jew 14,421 passiġġier meta mqabbel mal-istess żmien tas-sena ta' qabel, kif ukoll żieda ta' 0.8% jew 2,061 vettura.
Madanakollu, kien hemm tnaqqis fil-vjaġġi fuq dawk li saru fl-istess tliet xhur tal-2011. F'dan il-perjodu, fl-2012 kien hemm tnaqqis ta' 82 jew 1.7% tal-vjaġġi.
Fl-aħħar tliet xhur tas-sena qasmu b'kollox bejn Malta u Għawdex total ta' 901,260 passiġġier u 249,154 vettura. Minn dawn ix-xhur, Ottubru kien ix-xahar li fih l-iktar li qasmu nies bejn iż-żewġ gżejjer, b'total ta' 356,859 passiġġier u 90,342 vettura, u kien ukoll ix-xahar mill-istess tlieta li matulu saru l-iktar vjaġġi, total ta' 1,569 vjaġġ bejn iż-żewġ gżejjer.
Fl-istqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ġew ippubblikati ċ-ċifri għas-sena kollha 2012 li madankollu rreġistrat tnaqqis fin-numru ta' passiġġieri li qasmu bejn iż-żewġ gżejjer u tnaqqis ukoll fil-vjaġġi magħmula, kif ukoll tnaqqis fil-vetturi li qasmu bejn Malta u Għawdex. Matul l-aħħar tnax-il xahar kien hemm tnaqqis ta' 0.8% jew 32,402 passiġġier u tnaqqis ta' 1.5% jew 301 vjaġġ, u tnaqqis ta' 2.2% jew 24,035 vettura li qasmu l-fliegu.
Kif kien mistenni, Awwissu kien ix-xahar li fih l-iktar li qasmu persuni u vetturi, b'479,951 passiġġier u 123,511 vettura, u dan b'9.3% tal-vjaġġi kollha magħmula matul is-sena.
|